Tlestew numru ta’ rapporti minn gruppi ta’ ħidma differenti li ġew inkarigati mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) biex joħorġu b’rakkomandazzjonijiet f’fora u oqsma importanti favur aktar titjib.
Dawn ir-rapporti jikkonċernaw l-istabbiltà fiskali, il-produttività u l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ambjentali, l-irkupru fuq terminu qasir ta’ żmien, u l-ġustizzja f’oqsma differenti fosthom fil-postijiet tax-xogħol.
Din il-kamra tal-aħbarijiet stħarrġet aktar dawn ir-rapporti, u żorna l-uffiċini tal-MCESD fil-Belt Valletta fejn tkellimna maċ-Chairman tal-MCESD, James Pearsall.
Is-Sur Pearsall spjega li l-għan aħħari ta’ dawn ir-rapporti, li waslu frott ħidma kollettiva, huwa li jixprunaw aktar djalogu soċjali għal ħidma pożittiva fl-interess ta’ pajjiżna.
Qal ukoll li riċentament saret bidla biex esperti midħla tas-setturi li jkunu qed jiġu diskussi jibdew jiġu involuti f’dawn il-gruppi ta’ ħidma biex jirrendu aktar tagħrif speċjalizzat.
Qal, “Dawn qed jibdew jiġu indirizzati minn nies speċjalizzati f’dawn is-suġġetti partikolari. Inti ma tistax tiddiskuti, pereżempju, il-pillar tal-fairness u ma ġġibx soċjologa, u inti ma tistax tiddiskuti xi ħaġa li tinvolvi l-manifattura u ma ġġibx industrijalist jew ekonomist, jew tiddiskuti l-fiscal stability u ma ġġibx lil xi ħadd jifhem fil-finanzi.”
Is-Sur Pearsall spjega wkoll li l-informazzjoni li tinġabar f’dawn ir-rapporti hija kruċjali biex tissaħħaħ id-diskussjoni qabel il-plenarja tal-MCESD, biex l-affarijiet ikunu aktar ċari u infurmati.
Qal, “Is-sabiħ tal-Kunsill hu li l-imsieħba soċjali joffru l-ideat u joffru l-għajnuna tagħhom, u jixtiequ iktar informazzjoni ħalli jkunu part and parcel, jemmnu li mhux huma jieħdu d-deċiżjonijiet imma jixtiequ jgħinu li meta tittieħed deċiżjoni jħossuhom parti minnha, u din naħseb hija essenzjali.”
Kif kien qed jiddiskuti magħna l-għażla tas-suġġetti li jidħlu fihom dawn ir-rapporti, is-Sur Pearsall spjega li hemm linji gwida ċari Ewropej li jiggwidaw il-kuntest tat-triq ’il quddiem. Kien hawn li semma l-importanza tal-ambjent fil-politika Ewropja u lokali u s-suġġett tal-produttività u l-innovazzjoni.
Qal, “Din hija xi ħaġa importanti – Jekk inti trid tkabbar l-ekonomija, trid tkabbar mhux il-firxiet tan-niċeċ biss imma l-produttività kif inhi. Jista’ jkollok niċċa eżistenti li, jekk tkabbar l-effiċjenza tagħha fl-ekonomija, tkun iktar produttiva.”
Meta mistoqsi dwar il-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, Pames Pearsall tenna li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn ir-rapporti jridu jsiru b’rispett lejn l-effetti li ġabu magħhom dawn ir-realtajiet sabiex l-impatt tagħhom jinħass inqas.