Il-midja internazzjonali, ftit tal-ħin ilu rrappurtat li r-Russja ppreżentat lista ta’ talbiet lill-Istati Uniti sabiex possibilment ikun iffirmat ftehim li jtemm il-gwerra kontra l-Ukrajna u jittranġaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja.
Skont sorsi mhux imsemmija, Reuters qal li uffiċjali Russi u Amerikani kienu ddiskutew dawn it-talbiet kemm wiċċ’imb wiċċ kif ukoll virtwalment matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Qed jingħad li dawn il-kundizzjonijiet huma simili għal dawk li r-Russja diġà għamlet lill-Ukrajna, l-Istati Uniti u n-NATO.
Madankollu, il-kontenut eżatt ta’ din il-lista għadu mhux ċar, kif ukoll jekk ir-Russja hiex disposta li tidħol f’diskussjonijiet ta’ paċi mal-Ukrajna qabel dawn il-kundizzjonijiet ikunu miftehma.
Aktar kmieni, r-Russja kienet talbet kundizzjonijiet li kienu jinkludu li l-Ukrajna tabbanduna għal kollox l-aspirazzjonijiet tagħha li tingħaqad man-NATO, li l-ebda truppi barranin ma jkunu stazzjonati fl-Ukrajna u li l-Krimea u l-erba’ territorji parzjalment okkupati ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia jkunu rikonoxxuti bħala territorji Russi. Filfatt f’Ġunju tas-sena l-oħra, Putin kien insista li l-Ukrajna għandha tirtira minn dawn l-erba’ reġjuni bħala waħda mill-kundizzjonijiet fin-negozjati.
Iżda l-President Ukren Volodymyr Zelensky fi 12 ta’ Marzu kien irritalja u sostna li l-Ukrajna ma kienet se tirrikonoxxi l-ebda territorju okkupat bħala parti mir-Russja fl-ebda ftehim ta’ paċi.
Minkejja l-fatt, li l-President Donald Trump fl-24 ta’ Frar kien iddikjara li Putin kien se jippermetti li uffiċjali taż-żamma tal-paċi jidħlu fl-Ukrajna bħala parti mill-ftehim, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov ċaħad in l-idea.
Ħafna huma tal-idea li Putin deliberament għamel talbiet estremi fuq il-konċessjoni territorjali, l-uffiċjali għaż-żamma tal-paċi u n-newtralità tal-Ukrajna, għax kien jaf li dawn sigurament ma kienux se jiġu aċċettati mill-Ukrajna u l-Ewropa.