Il-ġurnalist ta’ The Times of Malta, Ivan Camilleri, deher jisraq oġġetti minn supermarket fin-Naxxar.
Żvelat dan il-gazzetta MaltaToday, li saħansitra kkonfermat l-aħbar mas-sid tas-supermarket li fl-istess ħin ma xtaqx jikkummenta iktar dwar dan il-każ li jinvolvi wieħed mill-iktar ġurnalisti konfrontattivi tat-Times of Malta.
Ir-rapport allega li Camilleri nqabad fuq il-kameras tas-CCTV u hawn ġie affaċċjat mit-tmexxija tal-istabbiliment.
Il-MaltaToday irrapportat li Ivan Camilleri ssejjaħ fis-supermarket biex jagħti spjegazzjoni wara li s-superjuri tal-kumpanija kienu mgħarrfa bl-inċident mill-ħaddiema li rawh fuq il-kameras tas-sigurtà.
Għalkemm ma ntqalx il-valur ta’ kemm jiswa dak li ħa Camilleri, intqal li hu ħa oġġetti deskritti bħala “highly – priced goods.”
Jirriżulta li wara li kien ikkuntattjat mis-supermarket, Camilleri ammetta u qabel li jħallas l-ammont dovut.
Iżda meta kkuntattjat mill-Maltatoday, Ivan Camilleri hedded lill-ġurnalist b’azzjoni legali. Camilleri qal lil Saviour Balzan li qiegħed jimmaġina u li hu giddieb. Filwaqt li qal li kien se jqabbad l-avukati tiegħu ladarba toħroġ l-istorja.
Fi stqarrija li ħareġ tliet sigħat wara li ħarġet l-istorja, Camilleri qal li l-każ seħħ meta bi żball poġġa fil-karretta xi oġġetti żgħar li nesa jgħaddihom mill-counter.
Qal li malli kien se jitlaq il-kaxxier staqsih dwar l-oġġetti li ma ħallasx għalihom u minnufih intebaħ li nesa xi oġġetti. Qal li skuża ruħu u ħallas għalihom. Qal li wara tkellem mas-sid tas-supermarket dwar dan l-inċident u l-każ waqaf hawn għax skontu dan ma kienx każ ta’ serq.
Huwa akkuża lil Balzan li qed jipprova jħammiġlu r-reputazzjoni tiegħu bħala persuna serja li f’ħajtu dejjem iġġieled il-ħażin b’sagrifiċċji personali kbar.
Camillieri żied jgħid li qed jieħu pariri legali biex jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu u se jkun qed jagħmel pass lura sakemm tiġi ċċarata l-pożizzjoni tiegħu.
Iċ-ċaħda ta’ Camilleri wasslet għar-reazzjoni immedjata tad-Direttur tas-supermarket tal-Valyou Ray Mintoff. Għall-kuntrarju ta’ dik iddikjarat minn Camilleri, Mintoff ammetta mal-Maltatoday li kien hu li kkonfronta lil Camilleri wara li allegatament inqabad ħiereġ b’oġġetti mill-ħanut tiegħu li ma ħallasx għalihom.
Waqt li sostna li jista’ jagħti lista ta’ nies li serqu mill-ħanut tiegħu foshtom sorijiet u qassisin, huwa qal: “Ikkonfrontajtu wara li kien raġel biżżejjed u ammetta. Nassigurak li ħallas aktar minn dak li ħa….qalli li messu kien jaf aħjar għax dak li jistennew minnu n-nies. Iva, ħallas għall-iżball”, qal Mintoff mal-MaltaToday.
Fuq il-Facebook Saviour Balzan saħaq li Camilleri ma ċaħadx l-istorja. Żied jgħid li Camilleri ma ċaħdax ukoll li kien qed isuq BMW importata mill-Belġju mingħajr liċenzja.
Ivan Camilleri ħadem mal-midja Nazzjonalista u l-istazzjon nazzjonali sakemm kien mar jaħdem Brussell wara li sar arranġament mit-Times of Malta.
Fi Brussell kienet taħdem ukoll martu li l-ex stateġista tal-Partit Nazzjonalista, Richard Cachia Caruana, kien saħansitra għamel bidliet biex jakkomodaha.