Hekk kif l-Erbgħa ġie ppubblikat ir-raba’ rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt ġew innotati numru ta’ żviluppi pożittivi u importanti li seħħew f’Malta fl-aħħar sena.
Fost oħrajn, il-Kummissjoni rrimarkat kif il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-Ġudikatura f’Malta baqgħet f’livell għoli. Dan filwaqt li ġie nnotat ukoll ix-xogħol tajjeb li qed isir fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jagħmel ukoll referenza għall-proċeduri u l-effiċjenza fil-qrati tagħna. Hawn il-Kummissjoni, filwaqt li tirrakkomanda aktar tisħiħ tal-effiċjenza, tinnota l-effetti pożittivi li qed isarrfu t-tibdiliet leġiżlattivi li saru fil-proċeduri tal-appell, kif ukoll il-ħidma li qed issir fir-riforma tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji u r-reviżjoni fil-proċeduri tal-Qorti tal-Familja.
Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll l-isfidi fir-riżorsi umani fi ħdan il-Qorti.
Hawnhekk il-Gvern diġà għamel bidliet importanti, meqjusin storiċi, bħalma hi l-akbar żieda ta’ membri tal-ġudikatura fl-istorja, u kif anke mħabbar diġà mill-Ministru għall-Ġustizzja, fil-jiem li ġejjin se tkun qed toħroġ sejħa għal tliet imħallfin addizzjonali. Dan ifisser żieda ta’ 27% mis-sena 2012, li wkoll se twassal għal żieda fin-numru ta’ ġudikanti per capita.
Ma’ ONE News il-Ministru Jonathan Attard irreaġixxa għal dan ir-rapport.
Hu nnota t-tajjeb li ġie mmarkat mill-Kummissjoni Ewropea fejn spjega li l-ħemel ta’ riformi li saru qed isiru kemm minn aspett leġiżlattiv kif ukoll b’investiment finanzjarju, fosthom bl-akbar allokazzjoni tal-budget tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Din l-allokazzjoni tammonta għal madwar €50 miljun, allokazzjoni ta’ ’l fuq minn 3 darbiet aktar, meta mqabbla mas-sena 2012. Huwa sostna wkoll li l-Gvern se jkun qed janalizza r-rakkomandazzjonijiet li saru.
Qal, “Hemm ukoll indikat numru ta’ sfidi li aħna nirrikonoxxu u qed naħdmu fuqhom, bħal dawk tar-riżorsi umani, flimkien ma’ diversi oqsma oħrajn li għaddejja ħidma fuqhom b’tali mod li nassiguraw li s-settur tal-ġustizzja jkun qed jirrifletti l-esiġenzi tal-lum u jkompli jilħaq l-aspettattiva ta’ servizz pubbliku li n-nies jistenna.”
Attard temm jgħid li l-Gvern se jkompli bil-koperazzjoni u d-djalogu miftuħ u jesprimi apprezzament għall-fatt li l-progress li sar f’ħafna oqsma li jsaħħu s-saltna tad-dritt f’Malta ġie rikonoxxut.