Artiklu fuq The Sunday Times Ingliża jgħid li Ministri Ingliżi injoraw pariri xjentifiċi dwar jekk Malta għandhiex titniżżel fuq il-lista l-ħadra filwaqt li waqqfu pjanijiet biex il-Portugall tispiċċa fuq dik imsejħa bħala watch-list.
Dan wara oppożizzjoni qawwija minn membri tal-Kabinett fosthom is-Segretarju tal-istat għas-Saħħa Matt Hancock u l-Ministru Michael Gove.
L-artiklu jgħid li din id-deċiżjoni ma kinitx mistennija u ħalliet eluf ta’ persuni fi stat ta’ paniku biex ifittxu jmorru lura r-Renju Unit.
Il-gazzetta żvelat li esperti miċ-ċentru għall-bijosigurtà konġunta qalu li Malta flimkien ma’ numru ta’ gżejjer oħra għandhom jitniżżlu fuq il-lista l-ħadra biex in-nies ikunu jistgħu jivjaġġaw mingħajr il-bżonn ta’ kwarantina.
Is-sorsi tal-gazzetta qalu li kien hemm battibekk sħun waqt il-laqgħa u saħansitra stqarru li kien hemm raġunijiet ċari għala Malta għandha titniżżel fuq il-lista l-ħadra iżda r-rakomandazzjoni formali mid-Dipartiment tas-Saħħa kienet tgħid mod ieħor.
Is-sorsi komplew jgħidu li Hancock kien wieħed minn dawk li mewwet għal kollox il-proposta biex iħallu n-nies jivjaġġaw lejn Malta u qalu wkoll is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa jemmen li n-nies m’għandhomx jivjaġġaw din is-sena. Għalhekk qed jipprova jwaqqaf lill-Brittaniċi milli jivjaġġaw barra mill-pajjiż.
Ir-rappurtaġġ ta’ din il-gazzetta jmeri għal kollox kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt l-intervista tal-Ħadd fejn qal li r-raġuni għala Malta ma tniżżlitx fil-lista l-ħadra huwa tort tal-Gvern Malti.
Hu qal, “Id-deċiżjonijiet illi jkunu qegħdin jittieħdu jaffettwawna xhur oħra u dak li qed jiġri llum huwa effett ta’ deċiżjonijiet ħżiena illi ttieħdu xhur ilu.”
The Sunday Times Ingliża temmet l-artiklu tagħha b’kumment tal-Kap Eżekuttiv tal-Manchester Airport Group li akkuża l-Gvern Ingliż li ma jafdax fis-sistema tiegħu stess.
Dan filwaqt li l- Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Ryanair, Michael O’Leary, li qal li din id-deċiżjoni hija prova oħra li l-Gvern ta’ Johnson jiddeċiedi mingħajr pjanar għaqli.
Intant, Spanja żdiedet mal-lista ta’ pajjiżi li poġġew lil Malta fuq il-lista sigura għall-ivvjaġġar.