Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fi stqarrija rrefera għal dak li ntqal ilbieraħ fis-Sunday Times, fejn saru insinwazzjonijiet dwar il-business plan, inkluż ir-rotot li ser tkun qed topera l-linja tal-ajru Air Malta skont l-istess business plan mal-Alitalia.
Kif stqarr preċedentament, il-Ministeru jiċħad kategorikament li l-linja tal-ajru ser tkun feeder airline. Il-Gvern jiċħad ukoll li hu ftiehem dak li qed jiġi allegat fl-imsemmi rapport.
L-imsemmi rapport huwa intiż biss sabiex joħloq inċertezza għal-linji tal-ajru f’mument kruċjali tan-negozjati, u sabiex jiddestabilizza l-industrija tat-turiżmu fi żmien fejn qed tikseb suċċessi u rekords bla preċedent.
Intant fi stqarrija oħra l-MHRA, li hija l-assoċjazzjoni tal-lukandiera u sidien ta’ ristoranti, qalet li se tiltaqa’ mal-Ministru għat-Turiżmu u ċ-chairperson tal-AirMalta biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti, fosthom rotot li jagħmlu sens għall-konnettività ta’ pajjiżna.
Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija innotat l-istqarrija tal-Ministeru għat-Turiżmu u qalet li l-business plan (kif irrapportat mis-Sunday Times u mxejjen mill-Ministeru) ikollu konsegwenzi diżastrużi għas-settur turistiku Malti. L-istess Kamra hija favur alleanzi strateġiċi mal-Air Malta, biex din issir finanzjarjament vijabbli.