Il-Kummissjoni Ewropea faħħret lil pajjiżna dwar l-ekonomija, is-soċjal u l-governanza t-tajba.
Dan għamlitu f’rapport li toħroġ regolarment dwar kull Stat Membru individwali – fil-każ ta’ Malta dan jiffoka fuq il-ħidma li qiegħed jagħmel il-Gvern Malti; rapport li ħareġ wara t-tbassir ekonomiku pożittiv tar-Rebbiegħa li ħarġet l-istess Kummissjoni.
F’dan l-aħħar rapport, il-Kummissjoni Ewropea qalet li pajjiżna żamm ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku minkejja l-inċertezza li qed taffettwa lill-Ewropa, kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
“Malta is maintaining its growth momentum in an uncertain environment.”
Il-Kummissjoni Ewropea sostniet li, wara l-pandemija, l-ekonomija Maltija rritornat għal tkabbir robust.
“After the pandemic, Malta’s economy has returned to robust economic growth.”
Innutat ukoll li Malta rkuprat b’mod rapidu u wriet ukoll li għandha ekonomija reżiljenti.
“Malta has recovered rapidly since the COVID-19 crisis and appears resilient overall.”
Dan ikompli jingħaqad mar-rapport tal-ġimgħa l-oħra tal-Kummissjoni Ewropea, li fih ħareġ li pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku din is-sena u s-sena d-dieħla wkoll.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li r-rata ta’ impjiegi f’pajjiżna qabżet ir-rata ta’ qabel il-pandemija.
“Malta’s employment rate surpassed pre- pandemic levels in the second half of 2021 and further improved in 2022.”
Fis-settur soċjali, il-Kummissjoni Ewropea nnutat li s-sitwazzjoni hija waħda stabbli. Innutat ukoll li, mill-2020 ’l hawn, kien hemm żieda sinifikanti f’miżuri soċjali.
F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll li l-inflazzjoni f’Malta kienet waħda limitata, bl-intervent tal-Gvern sabiex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Intqal li l-Gvern Malti ħa miżuri sinifikanti biex issussidja l-impatt taż-żieda tal-prezzijiet fl-enerġija u s-sapport lejn il-familji u n-negozji.
“Malta took significant measures to mitigate the impact of energy-price hikes and support households and businesses.”
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat kif, apparti dan is-sussidju, is-sena l-oħra l-Gvern Malti ta ċekkijiet addizzjonali ta’ €100 lill-istudenti u l-ħaddiema, u ċekkijiet ta’ €200 lill-pensjonanti u lil dawk li huma dipendenti fuq il-benefiċċju soċjali.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll li, minkejja l-miżuri tal-Gvern fis-settur tal-enerġija, id-defiċit se jonqos u se jibqa’ taħt is-60 fil-mija, skont il-kriterji tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea nnota wkoll li pajjiżna qiegħed jimplimenta miżuri favur governanza tajba, favur l-ambjent u l-qalba diġitali, permezz tal-Pjan ta’ Rkupru li ġej minn fondi Ewropej.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat li pajjiżna qiegħed jieħu passi pożittivi favur it-tisħiħ tas-Saltna tad-dritt. Fost dawn issemma li l-Gvern biddel il-metodu kif jitħatru l-ġudikanti. Barra minn hekk, qiegħed jieħu miżuri favur aktar effiċjenza fil-Qrati, hekk kif ġew appuntati erba’ mħallfin u erba’ maġistrati ġodda. Dan apparti li qed issir il-qalba diġitali fil-Qrati, b’investiment li ġej minn fondi Ewropej.