Ir-rapport Gender Equality Index ppublikat illum mill-Istitut Ewropew għall-ugwaljanza tal-ġeneru juri li l-introduzzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi u dibattiti pubbliċi b’saħħithom kienu l-inizjattivi li naqqsu id-diskrepanza bejn nisa u rġiel fil-parlamenti tal-Istati Membri u anke fil-bordijiet ta’ korporazzjonijiet.
B’reazzjoni għal dan il-Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, qalet li “dan juri bl-aktar mod ċar li jekk irridu nbiddlu l-affarijiet f’pajjiżna, issa huwa ż-żmien li l-partiti politiċi jieħdu azzjoni pożittiva u jintroduċu miżuri li jagħmlu differenza.”
Ir-rapport kien ippubblikat fil-Jum Internazzjonali tat-tifla u l-Indiċi jikkunsidra aspetti differenti dwar kif għandha tkun aċċertata l-ugwaljanza bejn nisa u rġiel f’bosta oqsma.
Fost oħrajn iħares lejn il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, finanzjament, l-edukazzjoni, immaniġġjar tal-ħin, teħid tad-deċiżjonijiet, saħħa u vjolenza kontra n-nisa. Malta waqgħet partikolarment lura meta kien imkejjel is-sehem tan-nisa fil-poter. Fl-aħħar għaxar snin l-avvanz kien minimu ħafna.
Filwaqt li tenniet li dan mhux aċċettabbli Dalli qalet: “Li nassiguraw ugwaljanza jfisser li rridu nintroduċu miżuri u inizjattivi prattiċi li jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Jirrikjedi wkoll il-ħeġġa u d-determinazzjoni ta’ gvern li jrid ibiddel l-affarijiet. Il-Gvern Malti għandu l-ħeġġa li jbiddel l-affarijiet u rridu naċċertaw li nkomplu naħdmu biex nassiguraw ugwaljanza fl-oqsma kollha tas-soċjetà tagħna,” enfasizzat Miriam Dalli.
Fil-ġurnata internazzjonali tat-tifla, l-MPE Dalli, attendiet ghat-tnedija tal-kampanja tal-Women Political Leaders Global Forum bit-tema #Girl2Leader. Għal din it-tnedija attendew grupp ta’ tfajliet minn Malta inkluż parteċipanti tal-inizjattiva LEAD, li qed tmexxi Miriam Dalli f’Malta biex toffri opportunitá lil tfajliet u nisa interessati jipparteċipaw fil-politika.
Il-kampanja #Girl2Leader toffri ċans lil 60 tfajla minn seba’ pajjizi differenti biex jipparteċipaw fil-politika, u qed issir taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
F’dan il-jum u meta kienet qed titkellem mat-tfajliet Miriam Dalli sostniet li “minn livell lokali għal dak globali, in-nisa m’humiex rappreżentanti biżejjed fil-qasam politiku u anke’ fil-qasam tat-tmexxija. Irridu nagħmlu ħafna aktar biex naċċertaw ugwaljanza. Dan jinkludi l-ħtiega li noħolqu ambjent li jinkoraġixxi tfajliet u nisa jikkunsidraw karriera fil-politika u billi jipprovdi pjattaforma għal tfajliet biex jiżviluppaw il-ħiliet tat-tmexxija tagħhom. Għalija huwa ta’ sodisfazzjoni li nkun parti mill-kampaja #Girl2Leader, li bħal inizjattiva LEAD toffri il-probabbilitá lit-tfajliet u nisa jkissru l-ostakli darba għal dejjem.”