Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri juri li r-ripatrijazzjoni ta’ immigranti rregolari lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma kinitx waħda effiċjenti.
Ir-rapport li fih kien membru rapportatur, Dr Leo Brincat, jixhed kif stati membri kbar, bi preżenzi diplomatiċi qawwija madwar id-dinja, xorta ma rnexxilhomx jaslu ma’ pajjiżi terzi biex jieħdu lura liċ-ċittadini tagħhom.
Kull sena mill-2008 ’l hawn, madwar nofs miljun ċittadin mhux tal-Unjoni Ewropea jiġu ordnati jitilqu minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea minħabba li jkunu daħlu illegalment.
Madankollu inqas minn persuna minn kull ħamsa minnhom realment jirritornaw lejn pajjiżhom barra mill-Ewropa.
Dan ifisser li l-proċess ta’ ripatrijazzjoni tal-immigranti kien diffiċli għal kull stat membru, inkluż Stati Membri kbar li ta’ kull sena jagħmlu kontribuzzjonijiet kbar f’pajjiżi tal-oriġinu f’forma ta’ proġetti, investimenti u għajnuna umanitarja.
Minkejja li ċ-ċokon ta’ Malta jagħmilha aktar diffiċli għal pajjiżna sabiex jirritorna immigranti rregolari lejn pajjiżhom, ir-ritorn ta’ persuni barranin li jkunu f’pajjiżna rregolarment huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika tal-Gvern f’dan il-qasam.
Fl-aħħar xhur, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni rnexxielhom jirritornaw numru mhux żgħir ta’ immigranti rregolari li ma kellhomx awtorizzazzjoni sabiex jgħixu f’Malta.
Fl-isfond tal-ostakli li ġabet magħha l-pandemija fejn jidħol l-ivvjaġġar, kien hemm ammont ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li ġew irritornati lejn pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa, l-Asja, l-Amerika Latina u l-Afrika.
Huwa mifhum li ħafna minn dawn il-persuni huma immigranti rregolari li waslu Malta bil-baħar u ġew irritornati wara li ġiet miċħuda t-talba tagħhom għall-ażil.
Barra minn hekk, hekk kif tħabbar fil-budget għal din is-sena, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi waqqaf taqsima fi ħdanu li hija responsabbli speċifikament mir-ritorn.
Din hija l-ewwel taqsima tax-xorta tagħha u l-għan tagħha huwa wkoll li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-oriġinu.
Ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri nnota li l-Unjoni Ewropea mhux dejjem tkellmet b’vuċi waħda ma’ pajjiżi mhux imsieħba fl-Unjoni Ewropea.
Intqal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea mhux dejjem għenet stati membri ewlenin milquta mill-influss ta’ immigranti fl-iffaċilitar tal-proċess tan-negozjati mal-pajjiżi li jkunu ġejjin minnhom l-immigranti.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri imbagħad qalet li f’ċertu sitwazzjonijiet, fejn irrenjat l-għaqda f’pożizzjoni waħda u komuni, kien hemm żblokk tas-sitwazzjoni fin-negozjati dwar ir-ripatrijar tal-immigranti.