L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, ma laqax ilment li seta’ kien hemm xi għemil ħażin fl-amministrazzjoni tal-Kummissjoni tal-Films biex tippromwovi l-industrija tal-films lokali kontra kull akkuża u tfigħ ta’ tajn, inkluż mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ntalab jinvestiga jekk l-attivitajiet taħt it-tmexxija tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech ipprovdewx valur tajjeb fuq in-nefqa li saret bejn l-2018 u l-2022.
Fir-rapport tiegħu, li ġie ppreżentat lill-Parlament it-Tnejn, l-Awditur jisħaq li, fir-rwol tagħha, il-Kummissjoni tal-Films għandha l-għan li tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-produzzjonijiet ċinematografiċi f’industrija globali li qed tevolvi b’ritmu mgħaġġel u b’mod kompetittiv.
Xi ħaġa li, fl-aħħar snin, rajna żviluppaw kbar iseħħu u blockbusters jiġu attirati lejna, inkluż is-sequel ta’ ‘Gladiatior’, li għadu kemm ħareġ fiċ-ċinema u fejn stilel ta’ Hollywood, bħal Denzel Washington, kellu biss kliem ta’ tifħir għall-produzzjoni li ttellgħet f’pajjiżna, b’ħaddiema Maltin.
Stqarrija mill-Kummissjoni Maltija tal-Films qalet li r-rapport tal-Awditur Ġenerali hu pożittiv, fejn ukoll ġie rikonoxxut li l-cash rebate offrut f’Malta hu għodda importanti għal investituri barranin li jħallu miljuni kbar fl-ekonomija lokali.
Fil-fatt, skont il-valutazzjoni tal-Awditur, jirriżulta li, kif inhi llum, il-miżura b’mod konsistenti kkontribwiet valur ekonomiku lill-pajjiż permezz ta’ investiment dirett barrani u tistabbilixxi lil Malta bħala destinazzjoni ta’ klassi dinjija fl-industrija.
Il-Kummissjoni tal-Films ukoll ikkummentat kif l-NAO sab li ma ntużaw l-ebda fondi allokati għall-iskemi lokali tal-produzzjoni tal-films għall-Malta Film Week tal-2022, bil-kontra ta’ dak li kien allegat minn min l-uniku skop tiegħu hu li jagħmel ħsara lil din in-niċċa ekonomika.
Minkejja dan, ir-rapport jidentifika numru ta’ nuqqasijiet amministrattivi ġenerali ta’ rutina fi ħdan il-Kummissjoni tal-Films, filwaqt li jindika oqsma fejn il-proċessi u s-sorveljanza jistgħu jitjiebu, għalkemm jisħaq li hemm bżonn iżjed ħaddiema mid-disgħa attwali ngaġġati, fid-dawl tal-volum ta’ responsabbiltajiet li trid tieħu ħsieb.
Il-Kummissjoni qalet li tibqa’ impenjata wkoll li tkompli testendi l-inċentivi ta’ cash rebate għall-produzzjonijiet lokali, b’total ta’ aktar minn €12 miljun f’perjodu ta’ seba’ snin, minbarra l-iskemi ta’ fondi lokali.