Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew adotta b’maġġoranza kbira rapport mħejji mill-MPE Alex Agius Saliba dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità.
Fir-rapport tiegħu, ir-Rapporteur tal-S&D, l-MPE Agius Saliba, iddeskriva l-petizzjonijiet relatati ma’ persuni b’diżabilità dwar l-aċċessibbiltà, il-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-impjieg, li rċieva u eżamina l-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Ir-Rapport jenfasizza d-diversi ostakli mqajma mill-petizzjonanti li l-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum f’diversi oqsma, bħall-aċċess għat-trasport pubbliku, l-ambjent mibni, il-lingwa tas-sinjali, il-finanzjament, jew l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
F’kumment li għamel dwar ir-riżultat tal-votazzjoni, il-MPE Agius Saliba esprima s-sodisfazzjon tiegħu li rnexxielu jikseb appoġġ kbir mill-kollegi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Huwa spjega li r-Rapport qed jiffoka wkoll fuq għadd ta’ ostakli li jiltaqgħu magħhom it-tfal b’diżabilità fir-rigward tal-edukazzjoni inklużiva, u nnota li t-tfal b’diżabilitajiet intellettwali, bħal dawk li għandhom l-awtiżmu jew ibagħtu mit-telf tas-smigħ, għadhom qed jiffaċċjaw ħafna ostakli meta jiġu biex jissodisfaw l-edukazzjoni tagħhom.
L-MEP Agius Saliba qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-rwol tal-Garanzija għat-Tfal biex tiżgura l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u l-Istati Membri għandhom iżidu l-kapaċità tas-sistemi edukattivi tagħhom biex jipprovdu edukazzjoni inklużiva ta’ kwalità għolja għall-istudenti kollha.
Agius Saliba qal li fil-kuntest tal-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità, il-Karta Ewropea tad-Diżabilità hija waħda mill-aktar strumenti importanti li se tgħin lill-persuni b’diżabilità jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles. Huwa spjega l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u qal kif huwa għalhekk li jemmen bis-sħiħ li l-Karta tad-diżabilità tal-UE għandha tkun obbligatorja fl-Istati Membri kollha.
Hu enfasizza li hemm bżonn isir aktar xogħol sabiex jiġi żgurat għajxien indipendenti, li huwa dritt fundamentali ta’ kull persuna. Huwa qal li biex jinkiseb dan, il-persuni b’diżabilità għandhom jingħataw kura ta’ appoġġ u assistenza personali xierqa, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà.