Rapport tal-Fond Monitarju Internazzjonali, l-IMF, dwar Malta ddikjara li pajjiżna għamel irkupru b’saħħtu mill-pandemija.
“The Maltese economy has rebounded strongly since the deep pandemic recession.”
Dwar dan, l-IMF qalet li d-deċiżjonijiet f’waqthom mill-Gvern f’dan il-perjodu wasslu biex ġew imwieżna l-familji u n-negozji.
Ġie nnutat li, fl-aħħar sentejn, pajjiżna kellu fost l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea. Fl-2021, l-ekonomija Maltija kibret bi 11.7 fil-mija, waqt li s-sena li għaddiet kibret b’6.5 fil-mija.
L-IMF innota li, is-sena l-oħra, l-ekonomija Maltija kompliet bi rkupru b’saħħtu, wara li f’nofs is-sena tneħħew ir-restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija. Dan wassal biex f’pajjiżna ġew 85 fil-mija tat-turisti li kienu ġew fl-2019 – is-sena ta’ qabel il-pandemija. Apparti minn hekk, il-konsum privat u l-esportazzjoni wasslu għal dan it-tkabbir ekonomiku.
L-esperti indipendenti tal-IMF innutaw li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber, iżda b’rata aktar baxxa minħabba l-kriżijiet internazzjonali ta’ bħalissa. Fil-fatt, l-ekonomija Maltija mistennija tikber bi 3.3 fil-mija.
Ir-rapport tal-Fond Monitarju Internazzjonali nnota li l-inflazzjoni f’pajjiżna kienet aktar baxxa mill-medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. L-IMF innota li l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils baqgħu stabbli, hekk kif il-Gvern issussidja dawn is-setturi, li ntlaqtu bil-gwerra fl-Ukrajna.
“At 7.3 percent in December 2022, headline HICP inflation remains below the euro area average of 9.2 percent, as electricity and fuel prices have been administrately frozen.”
F’dan ir-rapport, il-Fond Monitarju Internazzjonali nnota li, fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, il-Gvern ma tefax il-piż fuq in-nies iżda wieżen lill-familji u lin-negozji.
“Instead of passing increased energy prices on to consumers, the government decided to freeze retail energy prices by fully compensating the losses of the energy companies. The strategy has helped contain headline inflation (with inflation in Malta among the lowest in the EU) and mitigated the impact of the energy price shock on households and businesses.”
L-IMF innota wkoll li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna baqa’ b’saħħtu u anki r-rata tal-qgħad baqgħet baxxa.
Ġie nnutat ukoll li l-inflazzjoni baxxa u t-tkabbir ekonomiku qed iwasslu biex pajjiżna jkompli jikkompeti ma’ pajjiżi akbar minnu.
“The relatively low inflation and the improvement in unit labor costs relative to euro area countries (reflecting Malta’s faster recovery in labor productivity growth) should support Malta’s external competitiveness.”
L-IMF innota l-progress li sar mill-awtoritajiet ta’ pajjiżna sabiex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Huma ħeġġew sabiex dan l-isforz li għaddej jitkompla u jissaħħaħ.
Dan ir-rapport jgħid ukoll li s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna hija b’saħħitha, iżda sostna li l-awtoritajiet Maltin għandhom iżommu ħarsthom fuq il-banek sabiex jaraw li dawn qed jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Intant, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li dan huwa riżultat tal-politika progressiva tal-gvern Malti sabiex jgħin in-nies u jinċentiva l-investiment. Huwa wiegħed li l-Gvern se jibqa’ miexi fit-triq li qabad.