Bejn Ottubru u Diċembru tal-2021, pajjiżna kompla bl-irkupru ekonomiku b’saħħtu mill-effetti tal-pandemija.
Dan ħareġ mir-rapport tal-Bank Ċentrali dwar ir-raba’ kwart tas-sena l-oħra.
F’dan ir-rapport ħareġ kif, fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, il-Prodott Domestiku Gross żdied b’10% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel, jiġifieri l-elfejn u għoxrin
Dan fisser li l-Prodott Domestiku Gross sal-aħħar tas-sena li għaddiet kien ogħla minn dak irreġistrat qabel il-pandemija.
Minn dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali ħareġ ukoll kif, f’dan l-istess perjodu, kompla jonqos il-qgħad u l-impjiegi baqgħu f’livell ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Il-Bank Ċentrali qal li, fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, ir-rata tal-qgħad niżlet għal 3.2%. Is-sena ta’ qabel din kienet ta’ 4.4%.
Ġie nnutat li r-rata tal-qgħad f’Malta hija ferm iżjed baxxa mir-rata tal-qgħad taż-Żona tal-Ewro. Fil-fatt, ir-rata Malta hija iżjed minn 4% iktar baxxa minn dik taż-Żona tal-Ewro.
F’dan ir-rapport dwar ir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, il-Bank Ċentrali nnota kif, wara d-daqqa tal-pandemija, l-attività ekonomika issa sejra għall-aħjar.