Fit-tlettax-il edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabilità Finanzjarja tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, joħroġ kif fis-sena tal-pandemija, is-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna baqgħet reżiljenti għall-impatt ekonomiku bla preċedent li ħalliet l-imxija.
L-evalwazzjoni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta turi li l-qagħda tal-kapital u tal-likwidità tal-banek Maltin baqgħet b’saħħitha. Dan għen biex dawn l-istituzzjonijiet kienu ta’ appoġġ għal individwi u negozji biex itaffu l-effetti tal-pandemija.
Fi stqarrija tal-Bank Ċentrali, ingħad kif mgħejjuna mill-miżuri f’waqthom u mmirati tal-Gvern, il-banek kellhom irwol importanti fis-sostenn lill-ekonomija matul dawn iż-żminijiet ibsin.
Mill-istess rapport joħroġ kif matul is-sena l-oħra, id-depożiti tan-nies żdiedu b’mod sinifikanti, partikolarment matul l-ewwel xhur tal-pandemija, u dan jirrifletti tnaqqis fil-konsum u tfaddil ogħla.
Ingħad kif minkejja l-isfidi, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni wkoll baqgħu likwidi ħafna, u l-proporzjon kapitali tagħhom baqa’ ferm ogħla mir-rati minimi regolatorji.
Ir-rapport ikkonkluda li l-miżuri t’appoġġ mill-awtoritajiet kienu kruċjali biex jittaffew l-effetti negattivi tal-pandemija, u t-testijiet tal-istress u l-analiżi tas-sensittività wrew li s-sistema bankarja ta’ Malta baqgħet reżiljenti għal firxa wiesa’ ta’ riżultati ekonomiċi.
L-evalwazzjoni tar-riskju ġenerali li saret f’din l-edizzjoni tar-rapport tkopri l-avvenimenti li seħħew sa Marzu ta’ din is-sena.