Ġiet ippreżentata kopja tar-rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri li għadu kif ġie ppubblikat, lill-awditur ġenerali. Dan waqt laqgħa uffiċjali li l-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat għamel fl-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO.
Waqt din il-laqgħa, Brincat tkellem dwar l-importanza li tkompli tkun msaħħa l-koperazzjoni bejn l-uffiċċju nazzjonali tal-verifika u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Ma’ ONE News huwa spjega kif ir-rapport huwa tal-2019 u għalhekk ma jinkludix fih il-pandemija. Madankollu, huwa jindirizza ċertu sfidi li l-Ewropa mistennija taffaċċja fil-futur.
“Ir-rapport ovvjament jitkellem fuq is-sena 2019 jiġifieri ma jitkellimx fuq il-pandemija nnifisha imma jitkellem fuq l-isfidi li għandna quddiemna, jitkellem fuq il-‘performance’ tagħna, u aħna bħala Malta l-iktar li niffokaw fuq ‘issues’ ta’ immigrazzjoni. Għandna rapport li ġie konkluż fis-sena 2019 u għandna żewġ rapporti li waslu biex jintemmu,wieħed fuq l-aġenzija għall-Frontex u l-ieħor forsi fuq l-iktar suċċess topiku, kontroversjali li huwa l-‘policy’ tal-Unjoni Ewropea dwar ir-ritorn tal-immigranti lura lejn pajjiżhom.”
Bħala waħda mill-preokupazzjonijiet prinċipali, Leo Brincat semma kif l-livell medja tal-kapaċità li pajjiżi għandhom sabiex jużaw il-fondi Ewropej naqas għal taħt l-40%. B’hekk stqarr li din tista’ tkun inkwetanti speċjalment għal pajjiżi li ser iserrħu ħafna fuq il-fondi ewropej biex jirkupraw wara l-pandemija, bħall-Italja.
Dan mhux il-każ ta’ Malta hekk kif pajjiżna assorba iżjed minn 90% tal-fondi Ewropej.