Rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppreżentat quddiem il-Parlament, innota titjib fl-Isptar Monte Karmeli, wara li kien sar awditjar f’dan l-isptar fl-2018.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali nnota li l-Gvern, permezz tas-servizzi tas-saħħa mentali, għandu intenzjoni ċara li jimplementa r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar l-Isptar Monte Karmeli.
Ġie nnutat li kien hemm żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji rikurrenti u kapitali għall-Isptar Monte Karmeli bejn l-2018 u l-2022.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali nnota wkoll b’mod pożittiv l-istrateġija fuq is-saħħa mentali u anki l-isforz evidenti mis-servizzi tas-saħħa mentali biex jitnaqqsu l-pazjenti li jkunu fi sptar għal kura tas-saħħa mentali.
Hawnhekk issemmew ukoll l-isforzi sinifikanti fuq it-tisħiħ tas-servizzi komunitarji tas-servizzi tas-saħħa mentali, bl-aktar notevoli jkunu t-titjib fir-riżorsi umani, kif ukoll it-titjib fil-komunikazzjoni bejn il-kliniki jew ċentri komunitarji u t-tmexxija tal-isptar.
F’dan ir-rapport, l-Awditur Ġenerali rrikonoxxa l-isforzi li saru biex l-Isptar Monte Carmeli jkun aktar sigur u addattat għall-pazjenti li għandhom bżonn ta’ kura tas-saħħa mentali, hekk kif il-Gvern qed jaħdem fuq numru ta’ proġetti infrastrutturali f’dan l-isptar.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali juri titjib ukoll fis-sitwazzjoni li tirrigwardja l-impjegati responsabbli mis-sigurtà ta’ dan l-isptar.
Apparti minn hekk, ġie nnutat li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema li l-isptar jonqsu biex jilħaq in-numru ideali ta’ impjegati.
Ir-rapport isemmi wkoll li għad hemm aktar affarijiet xi jsiru, fosthom li l-binjiet komunitarji huma żgħar wisq biex jilqgħu pazjenti li għandhom bżonn il-kura għas-saħħa mentali.