Il-Vatikan skomunika lill-fundatur lajk tal-moviment reliġjuż Peruvjan tas-Sodalitium, Luis Fernando Figari, wara investigazzjoni li l-Papa afda f’idejn żewġ membri tad-Duttrina tal-fidi fl-2023, li kienu l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, u Fr. Jordi Bertomeu.
Dan sar hekk kif f’Lulju tas-sena l-oħra, il-Papa Franġisku bagħathom biex “jinvestigaw, jisimgħu, u jirrapportaw” dwar il-każ ta’ Sodalitium Christianae Vitae.
Ta’ min jinnota kif kemm l-Arċisqof Scicluna u l-Qassis Spanjol kienu ukoll l-istess żewġ esperti li kienu għamlu xogħol simili ftit tas-snin qabel fiċ-Ċili, xogħol li kien qajjem furur sħiħ anke wara li ħarġu diversi skandli ta’ abbużi kemm fil-passat u tal-preżent.
Luis Fernando Figari, il-fundatur tas-soċjeta’ appostolika Peruvjana, Sodalitium Christianae Vitae (SVC), magħruf aktar bħala Sodalicio, spiċċa b’miżura mis-Santa Sede fejn il-Papa stess keċċiħ mill-moviment li ħoloq hu stess.
Naraw kif dan il-moviment kien tpoġġa taħt superviżjoni minħabba każijiet ta’ abbuż u mmaniġġjar ħażin finanzjarju mill-mexxejja tiegħu, b’Figari, b’ mod partikolari, huwa akkużat bi vjolenza fiżika, psikoloġika, u sesswali, anke kontra minuri.
Huwa kien waqqaf din l-organizzazzjoni fis-snin sebgħin u nfirxet fl-Amerika Latina permezz ta’ dawn il-komunitajiet. Dawn il-komunitajiet kienu jissejħu “sodalites,” li kienu komposti minn lajċi u saċerdoti kkonsagrati li jgħixu flimkien taħt wegħdiet perpetwi ta’ ċelibat u ubbidjenza.
L-ewwel akkużi ta’ abbuż kienu ħarġu fil-bidu tas-snin 2000, wara lmenti minn eks membri u investigazzjonijiet li saru mill-midja, fejn imbagħad il-każ sploda fl-2015 bil-pubblikazzjoni ta’ ktieb ‘Half Monks, Half Soldiers’, li ġabar ix-xhieda tal-vittmi u abbuż fiżiku, psikoloġiku, u sesswali dettaljat li sar mill-mexxejja tal-moviment u minn Figari nnifsu.
Fl-2018, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Peruvjan kien talab id-detenzjoni preventiva ta’ diversi membri u eks membri tal-organizzazzjoni, inkluż Figari, fejn naraw li Sodalicio stess kien stabbilixxa grupp investigattiv li permezz ta’ rapport, identifika numru ta’ nies li għamlu r-reati li saru bejn l-1975 u l-2002, b’madwar 36 persuna ikunu affetwati, fosthom 19-il minorenni.
Fix-xhur ta’ wara kienet ġiet imposta projbizzjoni fuq ir-ritorn ta’ Figari fil-Peru, fejn kienet motivata mill-biża’ li jista’ jagħmel iktar ħsara lin-nies, jaħbi u jeqred l-evidenza kontrih, ’jew’ ifixkel il-kors tal-Ġustizzja ekkleżjastika u ċivili.’