Il-blogger Daphne Caruana Galiza nqatlet fi splużjoni ta’ bomba t-Tnejn wara nofsinhar mal-karozza li kienet qed issuq fil-Bidnija. Il-karozza jidher li baqgħet tinstaq għal diversi metri qabel spiċċat f’għalqa qrib ir-residenza tagħha. Jidher li l-bomba tpoġġiet taħt is-seat tax-xufier bil-possibiltà li ħadet b’mezz elettroniku.
Il-qtil tagħha, omm ta’ tlett itfal, ġab il-kundanna tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom tal-Prim Ministru Joseph Muscat li kkundanna bla riservi dan il-qtil brutali li sejjaħlu jum iswed għal-libertà tal-espressjoni.
F’nofs ix-xahar ta’ Ottubru, fil-limiti tal-Bidnija, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, Daphne Caruna Galizia nqatlet fi splużjoni permezz ta’ bomba fil-karozza li kienet qed issuq.
Il-vittma tal-isplużjoni li seħħet għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar hija Daphne Caruana Galizia li kellha 53 sena u li kienet toqgħod il-Bidnija. Hija ġiet identifikata minn xi qraba tagħha li waslu fuq il-post fosthom żewġha Peter Caruana Galizia.
Caruana Galizia kienet magħrufa għall-kitbiet fuq il-blogg tagħha. Hija nqatlet proprju ftit metri l bogħod mir-residenza tagħha fi Triq il-Bidnija, fejn seħħet l-isplużjoni li kienet maħsuba biex toqtolha fil-post. Xhieda fuq il-post qalu lil One News li l-isplużjoni seħħet ftit wara li Caruana Galizia rikbet fil-karozza.
Filmati miġbuda minn ONE NEWS juru li l-isplużjoni kienet mill-aktar qawwija, tant li l-karozza tal-għamla Peugeot sfat imfarrka f’mitt bicca. Il-vittma dehret minxura mal-art mingħajr ħajja bit-tifrik tal-karozza mifrux diversi metri.
Rapporti fil-midja qalu li fl-aħħar jiem Caruana Galizia għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta għax kienet irċeviet theddid fuq ħajjitha.
Ftit tal-mumenti biss wara l-ispluzjoni fuq il-post waslu bosta uffiċjali tal-pulizija, membri tal-protezzjoni ċivili u tim mediku waqt li ż-żona ngħalqet biex isiru l-investigazzjonijiet. Fuq il-post kien hemm l-ogħla uffiċjali tal-pulizija u mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Disrett kif ukoll membri tal-Explosive Ordanance disposal tal-Forzi Armati Malta inkluż il-Brigadier Jeffrey Curmi.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li l-ispluzjoni kienet waħda qawwija tant li l-karozza spiċċat f’nofs għalqa. Il-Pulizija għad trid tistabbilixxi x’kien il-motiv wara dan il-qtil.
Mill-ewwel investigazzjonijiet mill-esperti tal-isplussivi jidher li l-bomba kienet qrib is-seat tas-sewwieqa. Huwa ssuspettat li l-bomba splodiet permezz ta’ mobile minn distanza mhux ‘il bogħod minn fejn seħħet l-isplużjoni. Il-Pulizija mistennija tiġbor ukoll filmati minn cameras tas-sigurtà li x’aktarx hemm installati mal-proprjetajiet fil-viċinanzi biex jistabbilixxu jekk tidhirx xi persuna li kienet qed taġixxi b’mod suspettuż.
Il-katavru tal-vittma għadu fuq il-post u mistenni jittieħed lejn il-kamra mortwarja.
Il-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera qed tmexxi l-inkjesta bl-għajnuna ta’ diversi esperti.