Skont rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fl-aħħar kwart tal-2023, it-tkabbir annwali reali tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) f’pajjiżna kien 4.3%. Dan it-tkabbir kien xprunat b’mod partikolari mill-esportazzjoni.
Fl-indiċi tal-Bank Ċentrali, imsejjaħ Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju, jirriżulta li dan baqa’ ftit ogħla mill-medja storika tiegħu.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi, bir-rata tal-qgħad baxxa minn perspettiva storika u ferm inqas minn dik fiż-Żona Ewro. Il-bank innota wkoll li r-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti baqgħu f’livell għoli.
Sadanittant l-inflazzjoni kompliet tonqos matul l-aħħar kwart, xprunat minn tkabbir aktar bil-mod fil-prezzijiet tas-servizzi, ikel ipproċessat u prodotti industrijali.
Fil-fatt l-inflazzjoni fl-indiċi tal-prezzijiet tal-produtturi naqset b’mod qawwi, filwaqt li indikaturi oħrajn, bħall-indiċi tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u l-prezzijiet tal-oġġetti importati, ukoll jindikaw li qed tonqos il-pressjoni fuq il-prezzijiet.
Il-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti internazzjonali nbidel f’bilanċ pożittiv minn defiċit sena qabel, minħabba tnaqqis fid-defiċit kummerċjali u aktar dħul mill-esportazzjoni tas-servizzi.
Il-bilanċ tal-Gvern irreġistra defiċit ta’ 4.9%, li hu taħt il-5.5% li kien ġie rreġistrat sena qabel. Bl-istess mod, il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern kien aktar baxx meta mqabbel mal-2022.
Fl-istess ħin, id-depożiti bankarji tal-Maltin u l-Għawdxin komplew jiżdiedu fuq is-sena ta’ qabel, bl-Indiċi tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji jindikaw li dawn huma aħjar mill-medja storika.