Is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej jilqa’ b’sodisfazzjon il-fehma pożittiva tal-Kummissjoni Ewropea, li fir-rapport tax-xitwa tagħha dwar Malta stqarret li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea qegħda tikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tal-ekonomija Maltija.
Il-Kummissjoni Ewropea nnotat li sa tmiem l-2019, Malta kienet diġa’ rnexxielha tinvesti aktar minn €345 miljun mill-fondi ta’ Koeżjoni allokati għal Malta, u dawn jinkludu fondi użati għal tkabbir ekonomiku, fosthom għajnuniet lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, u anke għal trasport sostenibbli. Fir-rimarki tagħha, il-Kummissjoni nnutat illi Malta qed tinvesti l-fondi b’rata aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea kollha.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jkompli jelenka diversi proġetti li twettqu jew qegħdin fil-fażi ta’ implimentazzjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, magħruf aħjar bħala ERDF. Dan il-fond jinċentiva l-innovazzjoni u riċerka billi jagħti l-opportunità lil entitajiet bħall-Università ta’ Malta, biex jattrezzaw ruħhom u jkunu jistgħu joffru spazji fejn l-istudenti tagħna jkollhom materjal iktar avvanzat biex jaħdmu. Mill-fondi Ewropej qed jibbenefikaw ukoll intrapriżi ta’ daqs żgħir jew medju (SMEs) bħalma qed isir bil-proġett tal-villaġġ tas-snajja’ f’Ta’ Qali, l-estensjoni tal-Park Industrijali tax-Xewkija f’Għawdex, u l-proġett maġġuri dwar l-immaniġjar tar-riżorsa tal-ilma li se jibqa’ għaddej sa Jannar tal-2022.
Suċċess ieħor miksub bit-tħaddim tal-Fondi Ewropej huwa dak tal-fondi ġejjin mill-Fond Soċjali Ewropew li permezz tiegħu, sa tmiem l-2018, aktar minn 16,000 persuna rċevew taħriġ jew appoġġ taħt forom oħra. Fost dawn, kien hemm aktar minn 1,200 persuna bi bżonnijiet speċjali, filwaqt li aktar minn 1,600 persuna sabu impjieg grazzi għal din l-għajnuna.
Ir-rapport juri kif il-Fondi Ewropej għal Malta qed jikkontribwixxu lejn aktar investiment fl-oqsma tal-biedja u s-sajd, filwaqt li fondi oħra, bħalma hija l-SME Initiative, qed jgħinu biex jiġi mmobilizzat aktar investiment privat fil-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa tenna l-impenn tiegħu biex flimkien mal-ministeri u entitajiet oħra tal-gvern u tal-privat, titkompla l-ħidma biex il-Fondi Ewropej jiġu utilizzati fil-ħin u fl-aħjar interess tal-poplu Malti.