Fix-xahar ta’ Novembru, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju indika li f’dan ix-xahar imsemmi b’mod ġenerali t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien konformi mal-medja storika.
Dan ħareġ skont l-Aġġornament Ekonomiku li ħareġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, għax-xahar ta’ Diċembru, li issa wasal biex jispiċċa u jtemm din is-sena meqjusa pożittiva għall-ekonomija Maltija.
Minn dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali ħareġ ukoll li l-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali kibret, waqt li l-kummerċ bl-imnut naqas b’rittmu iktar mgħaġġel.
Ħareġ ukoll li fix-xahar ta’ Novembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni naqset meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri Ottubru. Dan hekk kif fl-Ottubru r-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 4.2%, waqt li x-xahar li għadda, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ inqas minn erbgħa fil-mija – l-ewwel darba f’dan iż-żmien ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
Il-Bank Ċentrali qal ukoll li r-rata ta’ qgħad ta’ pajjiżna baqgħet waħda konsistenti, li jfisser li Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li r-rata ta’ qgħad ta’ pajjiżna hija l-inqas waħda minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rata ta’ qgħad f’Malta, fix-xahrejn li għaddew kienet ta’ 2.5%.
Skont dan l-aġġornament tal-Bank Ċentrali ħareġ ukoll li f’Ottubru li għadda, il-Fond Konsolidat irreġistra tnaqqis fid-defiċit, meta mqabbel ma’ sena qabel. Dan hekk kif bejn sena u oħra kien hemm tnaqqis ta’ madwar sebgħa u tletin miljun ewro. Id-defiċit fil-Fond Konsolidat f’Ottubru li għadda kien jgħoddugħal aktar minn mija u sebgħa miljun ewro.
Ta’ min ifakkar ukoll li skont l-aħħar tbassir ekonomiku indipendenti, li jsir mill-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, ħareġ li Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea din is-sena li waslet biex tintemm u fis-sentejn li ġejjin, jiġifieri fl-2024 u fl-2025.