Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ipppjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman xejjen l-allegazzjonijiet li saru f’artiklu tax-Shift News, dwar xi ħsarat li setgħu saru fuq il-kripta ta’ Bartolott fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Rapport tal-Perit Alan Saliba, li ntalab jinvestiga l-allegazzjonijiet f’isem il-Kummissarju, ikkonkluda li ma kien xejn minn dak irrapportat.
L-artiklu oriġinali, ippubblikat fit-18 ta’ Jannar li għadda, allega li struttura li tpoġġiet fuq l-art oriġinali kienet tqila wisq u għalhekk ikkawżat ħsarat serji, apparti li s-sitwazzjoni kienet għadha ma ġietx riżolta.
Ingħad li l-art oriġinali, li tmur lura għal sekli sħaħ, ċediet ftit wara li ġiet installata din l-istruttura l-ġdida, filwaqt li ġie allegat ukoll li jistgħu jintilfu mal-miljun ewro f’fondi Ewropej allokati għall-proġett.
Dan kollu ġie investigat fir-rapport mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-aħħar jiem u ppubblikat mill-ADPD, li talab l-investigazzjoni.
Ir-rapport jinnota li l-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ikkoperat bis-sħiħ tul l-investigazzjoni fejn ma rriżultaw l-ebda ħsarat lill-art tal-kripta.
B’mod partikolari, ir-rapport jgħid li l-installazzjoni tal-art ġdida u t-tneħħija u t-tpoġġija lura ta’ numru ta’ knatan saru skont il-Work Method Statement, imfassal apposta biex ma ssir l-ebda ħsara.
Dan waqt li anke is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kienet qed tħares u tirregola x-xogħol biex isir skont il-permessi maħruġa.
Kien għalhekk li, fil-konklużjonijiet tiegħu, ir-rapport tal-uffiċċju tal-Ombudsman xejjen għal kollox dak li rrapporta x-Shift News, li mill-ġdid jidher li ried biss joħloq sensazzjoni jew itellef fondi Ewropej.