Tul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt faqqsu numru ta’ fkieren fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex. Dawn sabu l-protezzjoni tal-għaqda Natrue Trust, wara li xi persuni għamlu rapport għaliex inzertaw kienu fuq il-post.
Minħabba li l-bejta ma kinitx rappurtata, il-membri tal-għaqda għoddew 22 fekruna biss, iżda n-numru għandu jiġi kkonfermat la l-bejta tinqala’.
Il-President ta’ din l-għaqda Vincent Attard spjega l-ħidma li saret mill-għaqda biex il-fkieren waslu fil-baħar b’mod sigur: “Ilbieraħ xi l-għaxra u nofs ta’ billejl, irċevejna telefonata minn xi nies li kienu r-Ramla fejn qalulna li kienu qed jaraw fkieren żgħar. Ovvjament l-ewwel m’għamilna ikkuntattjajna s-sezzjoni tagħna t’Għawdex tal-Wildlife Rescue li niżlu u kkomfermaw li hemm il-bejta. Imbagħad minn hemm ovvjament peress li kienu diġà bdew ħerġin bgħattna l-għajnuna u anki infurmajna l-ERA biex jiġu ħalli nkomplu l-operazzjoni.”
Fost in-nies li waslu fuq il-post kien hemm wieħed mill-voluntiera ta’ Nature Trust, Matthew Berry li ġibed l-ewwel ritratti tal-fkieren.
B’xorti tajba, jidher li l-bejta kienet f’post mhux daqstant frekwentat minn nies b’differenza għal każijiet fi snin li għaddew fejn il-post tal-bejta wassal biex il-fkieren ma faqqsux.
Attard sostna: “Ta’ min ngħidu li fuq ir-Ramla kienet in-naħa tal-blat, taħt in-Nadur u hemmhekk huwa post fejn l-ewwel nies ftit jarawh nies u t-tieni nies naħseb huwa post li peress li ma tantx ikun hemm nies fuqu kompliet għenet biex il-bejta ma tiġrilhiex ħsara.”
Hawn appella lill-pubbliku biex jagħmel kuntatt ma’ nature trust jekk jinzerta każijiet simili: “Għandna numru tal-emerġenza li hu tal-Wildlife Rescue ukoll li huwa 99999505. Kif iċemplilna nkunu nistgħu nibgħatu mal-ewwel lil xi ħadd.”
Ritratt: Matthew Berry