L-Arkivju Nazzjonali għadu kemm ippubblika dokument maħruġ fl-elf disa’ mija disgħa u ħamsin (1959), li kkalkola l-konsegwenzi devastanti li kien ikollha bomba nukleari kemm-il darba tintefa’ fuq pajjiżna dak iż-żmien.
Ir-rapport kien studja x-xenarju li kieku bomba nukleari kellha tinżel fuq l-Isla, li hi ċentrali fil-Port il-Kbir.
Ir-rapport aktar minn 60 sena ilu kien indika li, f’dan ix-xenarju, kienu jmutu ’l fuq minn mija tlieta u erbgħin elf (143,000) persuna; kważi nofs il-popolazzjoni Maltija ta’ dak iż-żmien.
Dan filwaqt li kienu jweġġgħu serjament sebgħa u tletin elf (37,000) persuna u aktar minn tnejn u għoxrin elf (22,000) persuna kienu jweġġgħu ħafif.
Kien stmat ukoll li aktar minn sitta u tmenin (86,000) ma kinux iweġġgħu, fosthom dawk fin-naħa ta’ fuq u f’Għawdex.
Minn dan ir-rapport ħareġ li kważi żewġ terzi mill-popolazzjoni, li dak iż-żmien kien tgħodd kważi mitejn u disgħin elf (289,135) persuna, kienu jmutu jew iweġġgħu serjament.
Dan ir-rapport, li qasam lil Malta f’disa’ żoni differenti u ħa inkonsiderazzjoni ta’ kull lokalità f’Malta, jistma li kieku kienu jmutu 90% tal-persuni fil-qalba tal-Port, jiġifieri fil-Belt Valletta, Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Marsa, il-Ħamrun, l-Imsida, Tal-Pietà, u Tas-Sliema, fost oħrajn.
Dan ir-rapport sar mill-Gvern Ingliż, fi żmien meta kienet sospiża l-Kostituzzjoni tas-Self Government, li eventwalment wassal għall-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April tal-1958.
Dan ir-rapport sar ukoll 14-il sena wara l-attakki tal-bombi nukleari fl-ibliet Ġappuniżi ta’ Hiroshima u Nagasaki, fis-6 u fid-9 ta’ Awwissu tal-elf disa’ mija ħamsa u erbgħin (1945), rispettivament.
Dan l-istudju sar ukoll sbatax-il sena wara l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, meta Malta kienet l-aktar pajjiż fid-dinja li ġie bbombardjat mill-forzi Taljani u Ġermaniżi, u anke fl-eqqel tal-Gwerra Bierda.