Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station il-ġdida jikkonkludi li rebaħ min verament kien ħaqqu u li l-proġett tal-power station il-ġdida huwa prova oħra tal-bidla kbira fis-settur tal-enerġija.
Sostnew dan il-Ministru Ian Borg u d-Deputat Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjegaw fid-dettall l-analiżi tal-Awditur Ġenerali li kkonkluda li l-proċess kien ġust u trasparenti.
Il-Ministru Ian Borg fakkar li dan mhux l-ewwel ċertifikat għal dan il-proġett li qiegħed jitfa’ €80 miljun fis-sena fi bwiet tal-familji Maltin mir-roħs tal-kontijiet.
Huwa tkellem dwar il-fatt li pajjiżna ma jistax jafda mija fil-mija l-produzzjoni tal-elettriku fuq pajjiż ieħor u spjega li l-għażla tal-Electrogas kienet l-irħas waħda. Tant li skont il-Eurostat illum pajjiżna għandu r-raba’ l-irħas kontijiet fl-Unjoni Ewropea:
“Fl-aħħar mill-aħħar in-nies illum jafu li ilhom snin sħaħ jirċievu kontijiet ħafna iżjed orħos minn dak li kienu jirċievu taħt GonziPN li fil-verità kienu vvuttaw bil-qalb sabiex jgħolluhom u allura issa nħarsu ‘l quddiem biex nitgħallmu minn din l-esperjenza u nkomplu naħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi”.
Dwar il-prezz tal-elettriku mill-interconnector u dak tal-power station tal-gass, il-Ministru Borg qal li llum l-prezz tal-interconnector fil-ħinijiet bejn is-sitta u l-għaxra ta’ filgħaxija huwa ta’ €129 kull Mgwh. Dan meta mill-power station huwa ta’ €78 kull Mgwh.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista, Robert Abela fakkar li dan hu rapport li juri kuntrast mar-rapport tal-BWSC fi żmien il-Partit Nazzjonalista.
Dr Abela qal li l-Awditur ma sabx l-allegazzjonijiet ta’ tixħim li b’mod irresponsabbli allega l-Partit Nazzjonalista.
Stqarr li dan ir-rapport jikkonferma li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu hekk kif inhu meħtieġ fis-saltna tad-dritt:
“Kien proċess li l-awditur ġenerali jtih ċertifikat ta’ korrettezza, ta’ trasparenza, ta’ kontabilita, tal-mod li għandu jservi bħala mudell għall-proċessi ta’ public procurement li għandu jsir fil-futur. Fl-aħħar mill-aħħar kellna każ li tikkuntrastah mar-rapport tal-awditur ġenerali fuq BWSC fejn dakinhar l-awditur ġenerali kien sab li kien hemm duħħann, f’dal-każ mhux talli ma sabx duħħann, talli sab biss arja nadifa”.