Fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea, jgħixu sebgħa u tmenin miljun persuna b’diżabilità, li huma fost l-aktar ċittadini f’riskju li jispiċċaw f’esklużjoni soċjali, faqar, morda u anke bla xogħol.
Fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba ppreżenta rapport li mistenni jagħti aktar drittijiet lill-persuni b’diżabilità madwar il-pajjiżi Ewropej.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, Agius Saliba semma l-aktar punt kruċjali tar-rapport.
Qal, “Ikollna armonija fejn tidħol id-definizzjoni ta’ diżabilità. Jiġifieri jkollna definizzjoni waħda komuni fuq bażi Ewropea sabiex persuna illi huwa kkunsidrat bħala persuna b’diżabilità minħabba l-kundizzjoni tiegħu fi Spanja, jingħata l-istess livell ta’ protezzjoni f’kull stat membru ieħor, u d-diżabilità tiegħu tiġi rikonoxxuta fis-27 Stat Membru.”
Ir-rapport juri kif il-persuni b’diżabilità madwar l-Ewropa, iressqu bosta ilmenti dwar l-aċċessibilità, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni inklussiva u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol.
Dawn il-persuni jaffaċċjaw ukoll nuqqas ta’ aċċessibilità fit-trasport pubbliku u fejn jidħol l-użu tal-lingwa tas-sinjali.
L-Ewroparlamentari Laburista tenna li għandu jkun hemm qbil bejn il-Membri Stati kollha biex jagħmluha aktar faċli għall-persuni b’diżabilità meta jivjaġġaw fil-pajjiżi Ewropej, kemm għal studju u anke fuq xogħol.
Spjega, “Aħna qegħdin ħafna u ħafna aktar ’il quddiem fejn tidħol id-diżabilità u ħafna u ħafna aktar ’il quddiem minn Stati Membri oħra. Fl-ebda stat membru għadhom ma ngħataw lill-persuni b’diżabilità fosthom per eżempju dawn ikollhom dritt li jagħżlu l-carers tagħhom.”
Ir-rapport iħares biex jipproteġi wkoll id-drittijiet ta’ tfal b’diżabilità, anke fejn tidħol l-edukazzjoni tagħhom.
Ir-rapport ta’ Agius Saliba sab l-appoġġ qawwi ta’ erbgħa u tmenin punt sebgħa fil-mija tal-Membri Parlamentari Ewropej.
Dan issa ser jgħaddi għand il-Kummissarju Ewropej għall-Ugwaljanza Helena Dalli sabiex tressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea.