Ir-rapport tal-Caritas juri li l-familji Maltin qed iħossu d-differenza tal-miżuri li qed jimplimenta l-Gvern.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista dwar ir-rapport li kien ippubblikat nhar it-Tlieta.
Kemm il-Ministru għall-familja u s-solidarjetà soċjali, Michael Farrugia kif ukoll id-deputat Laburista, Silvio Schembri qalu li jinsabu rrabjati li r-rapport tal-Caritas qed jitqies bħala ballun politiku.
Il-Ministru Farrugia qal li r-rapport tal-Caritas imkien ma jgħid li żdied il-faqar, kuntrarju għal dak li qed tipprova tinsinwa l-Oppożizzjoni. Anzi r-rapport jgħid li naqas.
Min-naħa tiegħu, Schembri fakkar kif il-Kummissjoni Ewropea stess qalet li Malta għall-ewwel darba rreġġistrat tnaqqis fin-nies fir-riskju ta’ faqar.
Huwa żied jgħid li l-politika tal-gvern fir-rigward ta’ faqar hija mibnija fuq żewġ pillastri, dawk tal-edukazzjoni u xogħol.
Huwa qal li dan qed iseħħ fosthom permezz tal-programm ta’ garanzija għaż-żgħażagħ li għall-Partit Nazzjonalista kienet garanzija tal-washing machines u anke permezz ta’ childcare b’xejn li wassal biex ħafna nisa żiedu dħul konsiderevoli filwaqt li ma żiedux l-ispiża taċ-childcare.