Kien ippubblikat ir-rapport annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, dwar l-ekonomija ta’ Malta u kien innotat kif ir-riżultati miksuba huma frott il-politika li qed titħaddem fil-pajjiż. Fuq twitter il-Ministru tal-Finanzi reaġixxa ftit minuti wara li kien ippubblikat ir-rapport u qal li dan huwa wieħed mill-aqwa kumplimenti li seta’ jkun hem għat-tmexxija tal-gvern.
“Sound Policies,” jgħidu l-esperti tal-IMF biex nużaw kliemhom eżatt.
Fir-rapport tagħhom fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, l-esperti tal-Fond Monetarju Nternazzjonali sostnew li l-ekonomija Maltija kibret b’rata eċċezzjonali u ferm ogħla milli kienu jistennew. Filwaqt li f’Jannar li ghadda l-IMF kienet qed tbassar tkabbir ta’ 3.5% għall-2016, issa dan kien rivedut għal 4%.
L-esperti tal-IMF igħidu li “Malta’s economic growth has been exceptionally strong.” Filwaqt li jinnutaw li kien hawn “robust employment growth and an improvement in public finances.”
Dan is-suċċess ekonomiku mistenni jkompli fis-snin li ġejjin tant li l-esperti tal-IMF qed ighidu li “strong job creation is expected to continue in the coming years, keeping unemployment low”.
L-Enemalta, il-pensjonijiet, il-kompettività u l-edukazzjoni huma lkoll oqsma fejn l-IMF kellha kummenti pożittivi. Dan b’mod differenti minn kif kien jingħad fir-rapporti ta’ żmien gvern nazzjonalista.