Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għat-tnaqqis fil-faqar juri kif fl-aħħar sitt snin il-Gvern implimenta 93 azzjoni u 496 miżura soċjali maħsuba biex itejbu l-qagħda soċjali ta’ min jinsab f’riskju ta’ faqar.
L-istess rapport juri wkoll kif id-dħul disponibbli għall-familji żdied b’€5,000, u mill-2013 ’l hawn, kien hawn 5,000 persuna anqas f’riskju ta’ faqar. Fl-istess ħin, żdiedu b’76,000 persuna dawk li mhumiex f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Bejn l-2013 u l-2019 ukoll, dawk meqjusa bħala materjalment severament imċaħħda naqsu b’24,000.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali Mark Musù qal ukoll li kien hemm tnaqqis ta’ 6,000 tifel u tifla, jew 9.4% mir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, u tfal li mhumiex f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdiedu bi 11,000.
Fl-istess ħin, 8200 persuna m’għadhomx dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, filwaqt li 85% minnhom baqgħu fid-dinja tax-xogħol, bil-benefiċċji li kienu jieħdu naqsu gradwalment.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar ukoll li fil-budget għall-2021 hemm miżuri li jindirizzaw propju dan bħaż-żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, il-benefiċċju ta’ suppliment ta’ €150 addizzjonali fis-sena, u l-faċilità ta’ carer full-time.
“Il-verità hi dik li hi. Kull ekonomija għandha faxxa ta’ persuni li diffiċli jintlaħqu. Kemm hu importanti u kemm hu ta’ sodisfazzjon għalina hu li naraw li rnexxielna nġibu n-nies fil-faqar għal 18,000. Inħossuna kburin ukoll bil-miżuri tal-budget. Dan il-gvern jemmen fil-ġustizzja soċjali u fis-solidarjetà soċjali.”