It-tieni interconnector mal-Italja huwa neċessarju. Dan ħareġ minn rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett.
Minn dan ir-rapport ħareġ li l-proġett huwa neċessarju biex pajjiżna jkun jista’ jissodisfa ż-żieda fid-domanda għall-elettriku. Il-proġett se jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet u anki jistabbilizza l-grilja elettrika biex ikunu jistgħu jsiru proġetti ta’ enerġija rinovabbli fuq il-baħar.
Ħareġ li, jekk ma jsirx dan il-proġett tat-tieni interconnector, pajjiżna se jaffaċċja sfidi fid-domanda għall-elettriku f’perjodu meta d-domanda tkun akbar.
Dan ir-rapport kien ikkummissjonat mill-kumpanija Interconnect Malta, li hija tal-Gvern, u sar mill-kumpanija AIS.
Intqal li dan il-proġett se jnaqqas ir-riskju tal-qtugħ tad-dawl, waqt li se jiggarantixxi l-provvista tal-enerġija.
Id-domanda għall-elettriku qed tiżdied, fost oħrajn bil-qalba fit-trasport għal vetturi elettriċi.
Dan it-tieni interconnector se jgħaqqad l-impjant tal-Enemalta fil-Magħtab ma’ substation f’Ragusa, fi Sqallija.
It-tieni interconnector kien tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, f’Ġunju ta’ sentejn ilu u se jsir b’investiment ta’ €170 miljun.
F’dan il-perjodu sar ukoll studju preliminari għal dan it-tieni interconnector, biex tiġi stabbilita l-aħjar rotta għal dan il-proġett.