Skont rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta kienet waħda mill-vittmi t’attakk virtwali ġej mill-Korea ta’ fuq, allegatament biex jiffinanzja l-programm nukleari ta’ dan il-pajjiż.
Dan l-attakk deskritt bħala organizzat li seraq maż-żewġ biljun dollaru minn pajjiżi madwar id-dinja qed jiġi marbut mas-serq ta’ tlettax-il miljun ewro li l-Bank of Valletta sofra minn tranżazzjonijiet mhux f’lokhom lejn nofs Frar li għadda.
Rapport kunfidenzjali li raw l-aġenziji t’aħbarijiet barranin l-Associated Press u Reuters isemmi numru ta’ pajjiżi li sfaw vittmi ta’ hacking qawwi fosthom tlieta fl-Ewropa; il-Polonja, l-Islovenja u Malta.
Dan ir-rapport minn esperti ġie preżentat lil kumitat dwar is-sanzjonijiet tal-Korea ta’ Fuq fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u jispjega kif sar attakk fuq banek u attivitajiet finanzjarji marbuta fost l-oħrajn mal-crypto-currencies.
Ir-rapport jingħad li jitkellem ċar u tond kif xibka t’attakki xprunati minn hackers Koreani kienu qed jiġbru flus biex jiġu finanzjati l-operazzjonijiet nukleari tal-pajjiż komunista.
Sa issa hu mifhum li l-Korea ta’ Fuq ma tat l-ebda forma ta’ tweġiba għal dan ir-rapport hekk kif in-Nazzjonijiet Magħquda ilhom tlettax-il sena bis-sanzjonijiet fuq dan il-pajjiż.
F’dawn l-aħħar xhur il-mexxej tal-Korea ta’ fuq kellu laqgħat storiċi mal-President Amerikan u anki ma’ dak tal-Korea ta’ Isfel u lkoll qablu li jixkupaw l-armi nukleari mill-peniżola Koreana li qatt ma rat is-sliem sa mill-waqfien mill-ġlied fil-ħamsinijiet.