Rapport dwar żvilupp ta’ yacht marina u vilaġġ turistiku f’Ħondoq ir-Rummien jirrakkomanda li l-permess mitlub ikun irrifjutat. Ir-rapport ta’ iktar minn 40 paġna ta sitt raġunijiet ewlenin għaliex din l-applikazzjoni għandha tkun irrifjutata meta fi-23 ta’ Ġunju l-bord tal-awtorità tal-ippjanar jiltaqa’ biex jiddeċiedi dwar dan l-iżvilupp.
Deċiżjoni li ssegwi snin ta’ tentattivi biex il-post ikun żviluppat. Xi ħaġa li dejjem ġabet l-istmerrija tal-għaqdiet ambjentali fosthom il-Movilment Ħarsien Ħondoq, li fuq quddiem tiegħu dejjem kien hem Paul Buttigieg.
Ma’ one.com.mt Buttigieg qal: “Aħbar tajba ħafna għalina l-Qalin li r-rapport ukoll irrakkommanda rifjut. Dan il-każ ilu għaddej 14–il sena u sa fl-aħħar nisperaw li nkunu nistgħu nserrħu rasna li Ħondoq se’ jibqa’ jitgawda mill-poplu kollu.
Nixtieq infakkar li kull rapport li sar tul dan iż-żmien kollu dejjem irrakommandaw rifjut. Inkluż ukoll ir-referendum li kien sar fl-2002 fejn 85% tal-Qalin opponew għall-dan il-proġett propost. Issa nisperaw li d-deċiżjoni finali tkun rifjut totali u li ma jkunx hemm xquq fejn xi darba jinbnew villel u bungalows f’dik iż-żona.”