“Li l-impjegati jitpoġġew taħt pressjoni biex ikunu dejjem disponibbli għandha impatti detrimentali fuq is-saħħa fiżika u l-benesseri mentali u tikkomplika l-kisba tad-drittijiet fundamentali tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tax-xogħol, ir-remunerazzjoni u l-kumpens.” Il-MPE Agius Saliba esprima dan matul skambju ta’ fehmiet preliminari dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq livell Ewropew sabiex jiġi pprovdut qafas aktar effettiv għad-dritt ta’ diskonnessjon, fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjiegi u Affarijiet Soċjali.
Għall-ewwel darba, sal-aħħar tas-sena, il-Parlament Ewropew huwa mistenni jadotta rapport fuq inizjattiva proprja dwar dan is-suġġett mill-MPE Demokratiku Soċjali Malti Alex Agius Saliba. Ir-rapport se jkollu l-għan li jissalvagwardja s-saħħa mentali u fiżika tal-ħaddiema u d-dritt tagħhom li jiskonnettjaw diġitalment speċjalment fiż-żieda riċenti tal-arranġamenti tat-teleworking minħabba l-kriżi COVID-19.
Matul id-diskussjonijiet, il-MPE Agius Saliba tkellem b’mod ċar fuq il-pożizzjoni tiegħu, u saħaq li fuq livell Ewropew għandu jkun hemm dritt ġenerali għall-iskonnettjar li jiċċara u jsaħħaħ id-dritt tal-ħaddiema li jiskonnettjaw minn “apparat relatat max-xogħol u li jkunu jistgħu ma jirrispondux għal talbiet relatati max-xogħol mingħajr ma jiffaċċjaw konsegwenzi negattivi”.
“Matul il-kriżi COVID-19, ħafna kumpaniji ħaddmu arranġamenti ta’ telework, u huwa mistenni li dan il-metodu jsir dejjem aktar komuni wara l-pandemija. Huwa minnu li x-xogħol remot iżid il-flessibbiltà u joffri għadd ta’ vantaġġi, iżda hemm ukoll xi riskji li jeħtieġ li jiġu ndirizzati b’rabta mas-saħħa u l-benesseri tal-ħaddiema.” qal il-MPE Malti.
Huwa kompla jgħid li d-dritt għal skonnessjoni huwa dritt eżistenti għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, tant meħtieġa għall-benessri tal-ħaddiema kollha kemm jekk ikunu d-dar mal-familja tagħhom filgħaxija, waqt il-vaganzi, iżda speċjalment meta jkunu qed jaħdmu bit-telework fejn hemm tendenza li l-ħin tax-xogħol ikun aktar diffiċli biex jiġi rispettat.
It-teleworking huwa ta’ tħassib għaliex skont l-esperti jista’ tabilħaqq “iwassal għal kultura ta’ always-on li tista’ tkun ikkaratterizzata minn sigħat twal ta’ xogħol, nuqqas ta’ mistrieħ, kunflitt bejn ix-xogħol u l-familja, u livell għoli ta’ intensità tax-xogħol, li jwassal għal stress, ansjetà u burnout”.