F’rapport tal-Grupp ta’ Pajjiżi Kontra l-Korruzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, il-GRECO kkonkluda li Malta wettqet jew qed taħdem fuq tmienja minn disa’ rakkomandazzjonijiet li saru fl-aħħar rapport dwar miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-korruzzjoni.
Dan fir-rigward tal-membri parlamentari, il-membri tal-ġudikatura u l-prosekuturi.
F’dan ir-rapport maħruġ illum intqal li Malta wettqet b’mod sodisfaċenti erba’ mid-disa’ rakkomandazzjoni li sarulha.
“In view of the foregoing, GRECO concludes that Malta has implemented satisfactorily or dealt with in a satisfactory manner four out of the nine recommendations contained in the Fourth Round Evaluation Report.”
Il-GRECO qal ukoll li Malta bħalissa qed timplimenta erba’ rakkomandazzjonijiet oħra.
Il-GRECO laqgħet it-twaqqif ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u ntlaqgħu l-bidliet kostituzzjonali li saru fil-ġudikatura.
Dwar it-tibdil fil-mod ta’ kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura, intqal li dawn qed issaħħu l-indipendenza, l-imparzjalità u t-trasparenza f’din il-proċedura.
Il-GRECO nnota li sar titjib fil-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-ġudikatura, iżda ntqal li jeħtieġ li jissaħħaħ it-taħriġ għall-ġudikanti ġodda.
Dan ir-rapport maħruġ mill-Kunsill tal-Ewropa laqa’ u sejjaħ bħala kisba importanti r-riforma fil-prosekuturi. Dan permezz tal-introduzzjoni tal-Kodiċi ta’ Etika, li permezz tiegħu huma aktar indipedenti.