Il-gazzetta Illum ikkonfermat stejjer irrappurtati l-ewwel mill-gazzetta KullĦadd, li hemm problemi fid-Dar Ċentrali bid-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis.
Il-gazzetta KullĦadd kienet irrappurtat li fid-Dar Ċentrali ġriet il-kelma li fil-Parlament, aħjar ma jitkellimx wisq l-Avukat Joe Ellis minħabba dubji li hemm aktar x’jista’ joħroġ dwaru.
Dan wara li Ellis inkixef li fil-Parlament għamel pressjoni fuq proġett infrastrutturali, li għandu interess fih bil-moħbi.
Dan hekk kif filwaqt li kien staqsa fil-Parlament b’tali mod li għamel pressjoni sabiex jinfluwenza r-rata li bih jimxi x-xogħol fuq il-proġett tal-Gvern f’toroq f’Għajnsielem u limiti tan-Nadur, il-kumpanija tiegħu bil-moħbi kienet qiegħed tipprovdi kwantità ta’ materjal tal-kostruzzjoni għall-istess proġett.
Jirriżulta li l-kumpanija Gozo Concrete Products Ltd, li Ellis jmexxi ma’ ħutu għandha tagħti ammont konsiderevoli ta’ flus lil diversi kuntratturi Għawdxin.
Għaldaqstant il-kumpanija t’Ellis qiegħda taqta’ d-dejn li għandha billi tpartat materjali li tipproduċi, inkluż il-briks.
Fil-fatt il-gazzetta KullĦadd, li magħha issa kompliet il-gazzetta Illum, kienet irrappurtat kif il-kumpanija ta’ Ellis issupplixxiet madwar 50,000 briksa lill-kuntrattur ewlieni li rebaħ is-sejħa tal-offerti, għall-proġett kbir li jmiss mal-konfini ta’ Għajnsielem u n-Nadur.
Il-valur ta’ dan il-briks hu stmat li jiswa madwar €50,000.
Dwar Ellis qamu dubji kbar ukoll dwar l-operat tiegħu hekk kif il-KullĦadd kienet irrappurtat ukoll kif il-ħaddiema fil-kumpanija ta’ Joe Ellis ta’ spiss kienu mċaħħda minn dak li huwa dovut lilhom fil-ħin.
Dan hekk kif ħaddiema kienu baqgħu ma tħallsux il-ħlas ta’ Diċembru, li kien ukoll jinkludi l-bonus statutorju tal-Gvern.
Ħaddiema li kienu tkellmu mal-KullĦadd, kienu qalu li jinsabu mxebbgħin bis-sitwazzjoni iżda jinsabu fuq kuntratt definit ta’ xogħol għal tliet snin u Ellis rabathom li jekk itemmu dan il-kuntratt jistgħu jkunu obbligati li jħallsu penali.
Quddiem dan kollu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ jiddefendi lil Ellis, avukat ukoll tal-għaqda Repubblika u li fl-eqqel tal-ġlieda għall-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-2017, Ellis kien kiteb kontra Adrian Delia u semma d-dejn li kellha kumpanija li Delia kellu ishma fiha.
“Il-Partit Nazzjonalista diġà għandu problemi finanzjarji kbar u l-aħħar ħaġa li jeħtieġ hu li jkollu Kap li għandu problemi finanzjarji kbar tiegħu wkoll”, kien kiteb Ellis.
Quddiem l-aġir ta’ Ellis fil-Parlament fuq il-proġetti f’Għawdex, Bernard Grech kien qal lil ONE News li xogħol Ellis huwa li jikkritika.
Sadanittant il-gazzetta Illum irrappurtat li fuq din is-saga, Ellis ma jħossx li għandu jirriżenja.