Midja differenti ingħaqdu flimkien biex ippubblikaw rapporti dwar ħlas li sar lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
L-eks Prim Ministru wieġeb permezz ta’ stqarrija fuq il-paġna tiegħu fuq facebook fejn qal li l-ħlasijiet saru ta’ xogħol li għamel, filwaqt li ċaħad allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu.
It-Times of Malta rrappurtat kif Dr Muscat tħallas għal xogħol ta’ konsulenza minn żewġ kumpaniji li waħda minnhom bl-isem ta’ Accutor Consulting, li skont it-Times of Malta kien jisimha qabel bħala VGH Europe.
Intqal li din kienet kumpanija li kellha tespandi l-operat ta’ Vitals fl-Ewropa.
Għal darba oħra Dr Muscat insista li huwa tħallas għal xogħol li wettaq u li għandu l-provi x’juri għal dan.
Saħaq li hu tħallas minn Accutor u ma kellu l-ebda għarfien li din il-kumpanija bidlet isimha minn VGH Europe.
Fuq facebook, l-eks Prim Ministru saħaq li kuntrarju ta’ nies oħra, huwa jiddikjara d-dħul tiegħu u jħallas it-taxxa.
Fir-rapporti fil-midja saret referenza għal investigazzjonijiet li hemm għaddejin, inkluż inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, u li ntqal li fiha huma involuti numru ta’ esperti, flimkien mal-pulizija.
L-eks Prim Ministru saħaq li hu diġà talab li jidher quddiem l-inkjesta.
“Jien dejjem tħallast għal xogħol li għamilt. Tajt provi ta’ dan lill-Maġistrat u tlabtha darba, darbtejn, tlieta biex nixhed quddiemha”, saħaq Dr Muscat filwaqt li sostna li l-Maġistrat qatt ma wieġbet lura għat-talba tiegħu.
Huwa sostna wkoll li f’dak irrappurtat fil-midja hemm leaks ċari mix-xogħol tal-inkjesta Maġisterjali bħal ma ġara fil-każ ta’ tfittxija f’daru li wkoll kienet saret fuq ordni tal-Maġistrat.
Ir-rapporti fil-midja qalu li saret ukoll tfittxija fid-dar tal-eks Ministru Konrad Mizzi u ntqal ukoll li l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, wkoll huwa persuna ta’ interess.