ONE NEWS jinsab infurmat li t-Tlieta filgħaxija l-Pulizija daħlilha rapport li f’residenza fil-Bidnija kien hemm każ ta’ ħtif.
Fuq il-post immedjatament wasslu numru kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija minn Taqsimiet differenti, bl-għajnuna anke ta’ ambulanzi u tim mediku mill-emerġenza ta’ Mater Dei.
Filmati esklussivi li waslu għand dan l-istazzjon juru din l-operazzjoni, li ftit wara rriżulta li ma kienet xejn ħlief ċajt fuq grupp ta’ online gamers.
Fil-fatt filmat li anke qed inxandru b’mod esklussiv minn fuq il-pjattaforma Tik Tok, juri l-mument meta l-Pulzija Maltija daħlet fuq dawn il-persuni li huma barranin u li kienu qed jitkellmu bil-lingwa Franċiża.
Hawnhekk il-Pulizija mxiet daqslikieku verament hemm ostaġġi, biex imbagħad aċċertat li kien vera rapport falz.
Il-grupp li kien qiegħed jilgħab online, kienu qed jiġbru l-flus, fejn fil-ħin li daħħlu l-pulizija kienu laħqu s-somma ta’aktar minn €7,500.
Każijiet bħal dawn jiġru ħafna drabi madwar id-dinja lil online gamers, fejn persuni anonomi jagħmlu rapporti foloz lill-pulizija sabiex ir-rejd jinqabad b’mod dirett online. Ħaġa li anke hija magħrufa bħala swatting.