Ġie ppubblikat rapport dwar it-task force relatata mat-trobbija pożittiva tat-tfal; task force li permezz tagħha diversi ġenituri qegħdin jingħataw daqqa t’id permezz ta’ għajnuna psikoloġika u psikjatrika fost oħrajn.
Dan ir-rapport jagħti rendikont tax-xogħol li sar matul dawn l-aħħar tliet snin sabiex jitkabbar l-għarfien dwar kif it-tfal fis-soċjetà tagħna jkollhom ambjent aktar stabbli u xieraq.
Ir-rapport ippubblikat juri biċ-ċar l-importanza ta’ għajnuna minn stadju bikri fil-ħajja tat-tfal.
Iċ-Chairperson tat-Task Force għat-Trobbija Pożittiva spjegat li s’issa saru tliet kampanji li ntlaqgħu bi jdejn miftuħa mill-ġenituri.
Qalet, “Ġenituri qalulna li l-iktar affarijiet li jinkwetawhom huma d-dipendenza fuq it-teknoloġija fuq is-sustanza perikoluża, anki l-peer pressure, bullying, u anki l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom.”
Kampanja minnhom kienet immirata wkoll lejn il-fażi tat-tqala b’mod partikolari.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael falzon, sostna li għad baqa’ xogħol xi jsir li huwa ta’ importanza sabiex intejbu s-soċjetà tagħna.
Qal, “It-Taskforce tal-Positive Parenting fil-fatt kien sorpriża pożittiva fejn rajna li hemm ċertu għatx hemm barra għal ċerta informazzjoni. Daħlu wkoll f’suġġetti li forsi, sa ftit ilu, wieħed kien joqgħod lura minnhom. Aħna kommessi li nagħmlu dak kollu possibbli biex ikollna trobbija tat-tfal ta’ pajjiżna mill-aħjar.”
Il-Ministru Falzon temm jgħid li, billi taħbi problema u titfagħha taħt it-tapit, il-problema mhux se tmut.