Randolph de Battista ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jirrinżenja mill-irwol ta’ Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, kariga li serva fiha għal total ta’ ħames snin.
Huwa ħabbar dan f’kitba fuq il-midja soċjali, hekk kif qal li informa lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Randolph De Battista saħaq kif tul l-aħħar ħames snin huwa ħadem fuq deċiżjonijiet importanti u bla preċedent fuq is-sostenibilità finanzjarja tal-Partit, deċiżjonijiet li fi kliemu ħallew legat li jista’ jitgawda għal ħafna snin fil-futur.
De Battista sostna li se jibqa’ jiddedika l-ħin għal tranżizzjoni fl-aqwa interess tal-partit.
Fl-aħħar ta’ din il-kitba, De Battista rringrazzja lil dawk kollha li ħadem magħhom f’dawn l-aħħar snin u saħaq kif iħares ‘il quddiem li jkompli jaħdem aktar favur id-drittijiet tal-bniedem, favur iż-żgħir u dawk l-aktar vulnerabbli.
Sadanittant, dwar din l-aħbar kiteb fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Dr Abela rringrazzja lil De Battista “għall-mod kif mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista mexxa mhux biss b’integrità imma assigura li l-Partit jidħol għal proġetti li jħallu l-frott għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li Randolph De Battista ta eżempju wkoll bħala vuċi progressiva favur iż-żgħir.