Dr Ramona Frendo nħatret formalment fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, hekk kif intqal li Dr Frendo nstabet li tissodisfa l-kwalifiki meħtieġa minn panel ta’ mħallfin ġejjin minn seba’ pajjiżi.
Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata lbieraħ mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Dr Frendo ilha mill-2019 isservi bħala mħallef fuq il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għandha 22 sena fil-prattika legali.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-Gvern jemmen li, bl-istess mod li Dr Frendo wriet il-ħiliet tagħha fil-kariga ta’ mħallef fuq il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, se turi wkoll il-kapaċitajiet tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.