Il-Parlament Ewropew approva rakkomandazzjoni li ressaq il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba dwar id-dritt li wieħed jinqata’ mill-konnettività diġitali, bħala parti minn Rapport dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-Żona Ewro.
L-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal: “Ninsab ferm sodisfatt li din ir-rakkomandazzjoni li ressaqt ingħatat appoġġ kbir mill-Membri Parlamentari u l-gruppi politiċi rispettivi tagħhom. Għall-ewwel darba, il-Parlament Ewropew il-ġdid adotta u nkorpora f’test uffiċjali l-emenda tiegħi dwar id-dritt li persuna taqta’ l-konnettività diġitali personali.”
“Meta bdejt nitkellem dwar dan is-suġġett fil-kampanja elettorali tiegħi, dan kien kważi tabù. Issa, wara l-vot tal-bieraħ, it-test tiegħi sar rakkomandazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew. Dan huwa biss l-ewwel pass, imma huwa pass importanti ħafna sabiex inkunu nistgħu naslu għal miżuri konkreti fuq id-dritt li wieħed jinqata’ mill-konnettività diġitali,” qal l-Membru Parlamentari EwropewAgius Saliba.
Waqt id-diskors li għamel fis-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba qal li filwaqt li fl-Ewropa l-kundizzjonijiet ekonomiċi huma favorevoli u r-rati ta’ impjieg qed ikomplu jikbru b’mod kostanti, l-inugwaljanzi fil-ġid u d-differenzi fid-dħul qegħdin ikomplu jżidu d-distakk li jeżisti bejn il-foqra u s-sinjuri.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba spjega li l-problema m’għadhiex strettament marbuta mal-qgħad, u li n-nies ordinarji, speċjalment il-ħaddiema żgħażagħ u dawk anzjani, xorta jinsabu f’riskju għoli ta’ faqar. Huwa qal li llum m’għadux biżżejjed li n-nies ikollhom xogħol u saħaq li bl-impjiegi tagħhom, in-nies għandhom ikunu jistgħu jaffordjaw ħajja diċenti għalihom u għall-familji tagħhom.
“Uħud mill-akbar sfidi li għandna quddiemna llum huma marbuta mad-dinja tax-xogħol, bħal ngħidu aħna l-faqar fost dawk li jaħdmu, il-livell ta’ għajxien, il-kwalità tax-xogħol, u kif ukoll li jkollna pagi diċenti.” Għandna bżonn suq tax-xogħol u politiki li huma mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jwasslu biex ikollna impjieg ġust u impjiegi ta’ kwalità għall-Ewropej kollha!” temm jgħid il-Membru Parlamentari EwropewAgius Saliba fid-diskors tiegħu.