Ġie konkluż il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proġetti ppreżentati lill-Gvern mis-settur privat għar-riġenerazzjoni tas-siti storiċi tal-Evans Building fil-Belt Valletta u x-Chalet f’Tas-Sliema.
Il-Malta Strategic Partnership Projects, l-MSPP, li hi l-entità tal-Gvern responsabbli minn tali żviluppi, qalet fi stqarrija li għas-sit tal-Evans ġew evalwati diversi offerti.
L-offerta, li qed tiġi rrakkomandata għall-konċessjoni ta’ 65 sena, hi dik sottomessa mill-Valletta Luxury Projects. L-offerta tal-kumpanija hi ta’ miljun u mitejn elf ewro fis-sena u tlaħħaq it-tmienja u sebgħin miljun ewro.
Fl-istqarrija ntqal li dan is-sit fil-Belt kapitali ġie identifikat bħala sit importanti li jista’ jikkontribwixxi biex ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Bħala parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni tal-Belt, l-MSPP ħadmet fuq studji biex tevalwa l-fattibblità tal-riabiltazzjoni ta’ dan is-sit biex jinbidel f’akkomodazzjoni turistika ta’ kwalità għolja.
Intqal li dan l-iżvilupp se jkun wieħed sostenibbli li jħares il-bini u fl-istess ħin isir użu minnu li jwassal biex jintlaħqu miri ekonomiċi fejn jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjieg, waqt li jikkontribwixxi għal miri soċjali u ambjentali.
L-entità governattiva qed tħares ’il quddiem biex issa jitkompla l-aħħar studju tal-proċess ta’ procurement u jitressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament, qabel imbagħad ikun jista’ jiġi implimentat il-proġett.
Min-naħa l-oħra, għas-sit tax-Chalet, fejn kienet daħlet proposta waħda biss ġie rrakkomandat li l-offerta taqa’.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Gvern se jibqa’ kommess li jaħdem biex din iż-żona f’Tas-Sliema tkun riġenerata ħalli wkoll tikkontribwixxi għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.