Illum fil-qorti tkompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil involontarju ta’ żagħżugħ Olandiż minn ġuvni ta’ 20 sena li tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u tela’ fuq il-bankina.
Michael Caruana Turner li huwa fitness instructor jinsab akkużat b’negliġenza li wasslet biex Tim Scholten ta’ 19-il sena tilef ħajtu, ikkawża ġrieħi lil ħames persuni oħra, saq b’mod perikoluż u kien xurban. Caruana Turner qed iwieġeb li mhux ħati.
L-inċident ġara fis-sigħat bikrin tas-6 ta’ Lulju li għadda. Tim Scholten kien ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post iżda miet ftit jiem wara fl-isptar Mater Dei.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bidlet id-deċiżjoni ta’ li jinżamm arrestat ġo daru għal waħda li jrid ikun id-dar f’ċerti ħinijiet.
Fil-qorti xehed is-Surġent Edmond Fenech li qal li għall-ħabta tal-4.5o ta’ filgħodu kien għaddej minn Triq Ġorġ Borġ Olivier fejn innota duħħan kannella u naqqas il-veloċità biex jara x’kien ġara. Qal li ra persuna tiġri fit-triq u titlob għall-għajnuna. Is-Surġent niżel u ċempel għall-ambulanza kif ukoll l-għassa ta’ San Ġiljan għall-assistenza. Maġenb il-persuna mixħuta mal-art, kien hemm ukoll persuna oħra bi ġrieħi f’rasha u iżjed persuna feruti. Is-Surġent Fenech qal li l-vittma kellu d-demm ħiereġ minn ħaqlu.
Għall-mistoqsija tal-avukat Joe Gilgio jekkx l-akkużat ittieħidx l-isptar, is-Surġent wieġeb li dan ittieħed fil-polyclinic tal-Floriana u semma li din hija proċedura li dejjem issir fl-inċidenti minħabba li ċerti ġrieħi ma joħorġux fid-deher mill-ewwel.
Tat ix-xhieda tagħha wkoll Dr. Luana Formosa,mill-isptar Mater Dei Hospital fejn tkellmet dwar l-istat tal-vittma b’riżultat tal-inċident. Il-vittma kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
Il-Każ ser ikompli nhar il-5 ta’ Settembru li ġej fid-9.00.