Bħalissa qed jitqassmu mas-6,500 applikazzjoni lill-bdiewa bħala parti mill-kampanja ta’ kull sena b’rabta ma’ għajnuna finanzjarja li tammonta għall-tmien miljun ewro minn fondi Ewropej.
Id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, l-ARPA, Dr Justin Zahra spjega kif kull bidwi u raħħal li għandu r-raba rreġistrata mal-aġenzija qed jirċievi l-applikazzjoni flimkien ma’ envelope bl-indirizz lest ta’ fejn irid jibgħatha lura.
Huwa qal, “Ikollhom ukoll formola illi tkun pre-filled, jiġifieri tkun mimlija bid-dettalji tagħhom, tar-raba li għandhom irreġistrat magħna u allura tal-iskemi kollha u l-għajnuniet kollha li jistgħu jkunu eleġibbli għalihom. Kulma jkunu jagħmlu huwa li jiffirmaw fejn ikun hemm indikat bl-X u jibgħatuh lura bil-posta.”
Il-Ministru għall-Biedja Anton Refalo qal li dan l-eżerċizzju qed jgħaddi tagħrif u jissimplifika ħajjet il-bdiewa u r-raħħala biex b’hekk japplikaw għall-benefiċċji li jistgħu jgawdu minnhom.
Huwa sostna: “Dawn l-applikazzjonijiet aħna qegħdin naraw li l-ewwel nett nagħtu għajnuna diretta lill-bdiewa, nagħtu wkoll għajnuna meta għandek żoni restritti u għandek ukoll għajnuna dwar żoni ambjentali u naturalment nagħtu għajnuna l-biedja organika.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi innota x-xogħol li qed tagħmel l-ARPA biex tiffaċilità l-proċess tal-applikazzjonijiet.
Huwa tenna: “B’hekk inkunu qegħdin nagħmlu l-fondi tal-Unjoni Ewropea aktar aċċessibbli, ħa jkollok aktar nies li jibbenefikaw u minn hawnhekk inħeġġeġ lil dawk kollha li qed jirċievu din il-formola biex jibgħatuhom fl-aktar żmien qasir possibbli ħalli wieħed ikun jista’ jibbenefika minn dan l-investiment tant pożittiv fuq dan is-settur.”