Ir-raħħala li jżommu l-baqar, nagħaġ u mogħoż se jirċievu għotja sa massimu ta’ ħmistax-il elf ewro (€15,000), bħala għajnuna temporanja lir-raħħala affettwati b’mod partikolari mill-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan wara li dil-ġimgħat li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea approvat miżura li ġiet ippreżentata minn Malta.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fejn tħabbar il-ftuħ ta’ numru ta’ applikazzjonijiet għal skemi finanzjarji differenti indirizzati lejn il-bdiewa u r-raħħala.
Hawnhekk tħabbar li fl-aħħar jiem, sitt elef (6,000) bidwi f’pajjiżna rċieva l-applikazzjoni biex ikun jista’ jieħu l-pagamenti, li b’kollox jammontaw għal madwar disa’ miljun u ħames mitt elf ewro (€9.5 miljun).
Dawn il-miżuri jagħmlu parti mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali li issa qed jasal fi tmiemu, kif ukoll il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta li se jkopri s-snin bejn l-elfejn tlieta u għoxrin (2023) u l-elfejn sebgħa u għoxrin (2027) u li b’kollox hemm allokat madwar mija sebgħa u sittin miljun ewro (€167 miljun).
Il-Ministru Refalo semma li fost dawn l-iskemi hemm dawk indirizzati biex iħeġġu bdiewa u raħħala żgħażagħ ikomplu f’dan is-settur u anki dawk immirati lejn prattiċi li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett sostna li l-fondi Ewropej huma fondi tan-nies u l-Gvern irid li aktar nies jagħmlu użu minn dawn il-fondi biex aktar proġetti jieħdu l-ħajja.