Raħħal veteran tal-majjali ħammar wiċċ l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista wara li qallhom li l-problemi li qed jaffaċċja s-settur huma kawża ta’ deċiżjonijiet ħżiena tal-Partit Nazzjonalista. F’kummenti li ta lil Delia u Peter Agius wara konferenza tal-aħbarijiet li ttellgħet fir-razzett tiegħu, Mario Abela li huwa wkoll membru tal-Koperattiva tal-Majjali sostna li dawk li kienu tqabbdu mill-Partit Nazzjonalista sabiex jinnegozjaw mal-Unjoni Ewropea poġġew lill-pajjiżna fil-keffa ta’ pajjiżi ferm akbar. Dwar dan, l-ogħla amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma kellhiex x’tikkumenta u l-ebda persuna ma lissen kelma waħda.
Preżenti għal din il-konferenza li kienet intiż sabiex tipprova toħloq polemika oħra fil-konfront tal-Gvern kien ukoll il-kandidat għall-elezzjonijiet tla-parlament Ewropew Peter Agius. Minkejja li Agius ilu sa mill-2002 jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea huwa wkoll baqa’ b’fommu mitbuq għall-kliem tar-raħħal.