Waqt Attività Politika bit-tema ‘Malta f’Qalbna’ fit-t-teatru Orfeo fil-Gżira, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-importanza li l-politika tgħati kas ukoll suġġetti importanti bħal l-isports u il-kultura. Semma proposta li bħal kif l-Ewropa tagħmel il-Belt Kapitali Ewropea, kull sena jkollna Belt jew raħal kulturali f’pajjiżna.
Qal li din hija xi ħaġa li se tgħati inċentiv kbir għar-rinaxximent tal- kultura f’pajjiżna. Qal li s-sabiħ ta’ din il-kampanja hija li qed nitkellmu fuq suġġetti li ssoltu ma nitkellmux daqshekk dwarhom.
Il-Prim Ministru fl-ewwel intervent tiegħu saħaq li l-Housing Soċjali qiegħed hemmhekk sabiex jingħata lil min vera għandu bżonn. Saħaq li kif ġie mħabbar dalgħodu, se jkunu investiti €60 miljun sabiex issa jkollna 1,700 unit ġdid ta’ Housing Soċjali.
Qal li writna problema kbira fil-housing u qed naraw li l-problema tiġi solvuta. Qal li saret analiżi tar-riżorsi sabiex ikunu jistgħu jinbnew iżjed appartamenti. Qal li mhux ser ikunu qed jinbnew housing estates kbar filwaqt li se jkunu mibnija f’konformità mar-regoli tal-ippjanar u b’mod li jħalli inqas impatt fuq l-ambjent.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li l-gvern huwa impenjat sabiex isib ukoll soluzzjoni għall-problema tal-kiri. Qal li ma nistgħux nħallu lil dak li jkun jitgħabba iżjed milli jiflaħ u dik l-għajnuna li tkun tajthom biex jixtru post tiġi piż li tħallihom ta’ fuqhom senduqhom. Qal li l-gvern se jkun qed jgħin lil min għandu bżonn ftit għajnuna filwaqt li wkoll jgħin lil dawk li finanzjarjament ma jifilħux li jkollhom il-post tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li għal dawn l-1,700 post ġdid il-gvern se jara li meta jasal iż-żmien li l-persuna li tkun qed tużahom tmut, il-post se jmur għand xi ħadd ieħor li għandu bżonn u mhux jitgħadda għand l-eredi. Din is-sistema se tkun qed tapplika fuq l-1,700 post ġdid biss.
Dr.Muscat qal li huwa kuntent bil-manifest ġenerali tal-Kunsilli Lokali. Saħaq li din hija ġabra ta’ punti li jgħoddu għall-lokalitajiet kollha. L-iktar prijorità ovja minnhom kollha hija l-indafa. Qal li din hija kwistjoni ta’ dixxiplina u dover ċiviku filwaqt li imbgħad hemm bżonn ta’ sistemi ta’ ġbir ta’ skart u tindif iżjed organizzati.
Saħaq li r-reġjuni wkoll se jkollhom irwol ferm ikbar fejn jidħol it-tindif filwaqt li t-teknoloġija li għandna llum għad-dispożizzjoni tagħna se tibda tiġi użata.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-polyclinic tal-Gżira għandha bżonn rinovar qawwi. Dan filwaqt li postijiet bħal biswit il-klinika u l-ġnien Jerry Zammit jingħataw ukoll l-attenzjoni meħtieġa sabiex jiġu krejati iżjed spazi miftuħa f’lokalità urbana bħal m’hi l-Gżira.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq dwar l-importanza li dak li jkun imur jivvota, imur jivvota kmieni u jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.
Dr.Muscat sostna li f’postijiet bħal Marsa u l-Ħamrun, nafu li kien hemm xi atteġjament mhux soċjali minn persuni fl-akwati. Qal li l-gvern jaf bihom u diġa permezz tal-forzi tal-ordni qed inkunu iżjed presenti fit-toroq. Qal li llum teżisti teknoloġija ta’ cameras fejn hija sistema tajba ħafna sabiex tkun taf x’ġara fit-toroq wara li jkun twettaq reat.
Qal li dawn huma suġġett delikat minħabba anke l-privatezza tal-persuni. Il-gvern qal li din se tkun qed issir skond il-liġijiet Ewropej u b’mod li sserraħ moħħ in-nies li jekk allaħares qatt jiġri xi ħaġa, dak li jwettaq ir-reat jinqabad.