Raġel ta’ 63 sena u żagħżugħ ta’ 19-il sena, residenti l-Qrendi u l-Imqabba rispettivament, ġew arrestati mill-Pulizija ftit sigħat wara li allegatament ħebbew għal raġel ieħor u kkawżawlu ġrieħi ta’ natura gravi f’argument li seħħ jumejn ilu, fl-Imqabba.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija bdew meta l-vittma, raġel ta’ 42 sena miż-Żurrieq, irrapporta fl-għassa li ftit tas-sigħat qabel, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, huwa kien ġie attakkat minn żewġt irġiel.
Allegatament waqt l-inċident, wieħed mill-aggressuri kellu fil-pussess tiegħu senter, li użah biex jagħti xi daqqiet bih lill-vittma. Minħabba li l-vittma sofra xi ġrieħi, huwa mar ġewwa ċentru tas-saħħa fejn ingħata l-assistenza medika.
Aktar tard matul il-lejl, b’riżultat ta’ investigazzjoni intensiva, il-Pulizija identifikat liż-żewġ aggressuri u ġew arrestati fl-Imqabba stess.
L-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta ta’ nofsinhar, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.