Raġel u tifla ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati lbieraħ filgħaxija. L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, fil-limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li tifla ta’ 14-il sena kienet qiegħda ssuq rota, tilfet ilkontroll u waqgħet. It-tieni inċident ġara għal xi d-disgħa u kwart ta’ filgħaxija, fi Triq il-Parsott, il-Mosta.
Mill-istħarriġ li sar jidher li raġel ta’ 22 sena residenti Birkirkara, tilef il-kontroll tal-BMW li kien qiegħed isuq u kellu impatt ma’ propjetà privata.Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ 18-il sena residenti l-Gżira.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u t-tifla flimkien max-xufier ittieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika. Aktar tard, it-tifla ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Giannella Camilleri Busuttil ġiet infurmata bl-ewwel każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.