Żewġ barranin, raġel ta’ 24 sena mill-Moldova u tfajla ta’ 18-il sena mir-Russja, ġew arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wara sejba ta’ 25 kilo sustanza bajda, allegatament droga kokaina.
Huma ppruvaw idaħħlu din id-droga f’Malta minn Sqallija.
Ir-raġel u t-tfajla ġew arrestati tard is-Sibt filgħaxija, malli niżlu bil-karozza minn fuq il-katamaran minn Sqallija.
It-tfittxija fil-karozza saret wara informazzjoni li kellha l-Pulizija; bis-sustanza mqassma f’25 pakkett instabet moħbija fit-tank tal-petrol.
Il-valur fit-triq li kieku d-droga nbiegħet, huwa ta’ madwar €2.2 miljun.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.